Jinżamm arrestat akkużat li seraq anzjana fil-Belt Valletta

Il-Qorti qalet li għandha d-dmir li tipproteġi s-soċjetà u għalhekk ma aċċettatx it-talba tad-difiża

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Raġel ta’ 39 sena mill-Libja nżamm taħt arrest preventiv, wara li kien akkużat li seraq anzjana fil-Belt Valletta.

Fil-Qorti huwa ġie mixli b’serq aggravat, li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-vittma, li kien fil-pussess ta' arma taqta' u bil-ponta u li kien riċediv.

L-Ispetturi; Fabian Fleri, Lydon Zammit u Kylie Borg spjegaw kif jumejn ilu, l-vittma rraportat li ġiet misruqa minn tliet irġiel fil-Belt Valletta. Skont il-filmati tas-sigurtà li ġew elevati mill-Pulizija, tliet persuni dehru jiġru b'xi affarijiet li kienu serqu. Madankollu, il-Pulizija illum avżat li, ż-żewġt irġiel oħra għadhom ma ġewx arrestati.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-difiża titlob il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li għandha d-dmir li tipproteġi s-soċjetà u għalhekk ma aċċettatx it-talba tad-difiża. Ir-raġel se jkun qed jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija