Jinżamm arrestat fuq akkużi li weġġa' lil sieħbu b'sikkina

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Raġel ta' 26 sena minn-Niġerja ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li l-Ħadd li għadda kkaġuna feriti ta' natura gravi lil sieħbu, li joqgħod miegħu fl-istess dar.

Fil-Qorti huwa ġie mixli b'attentat li jweġġa' b'mod serju lil persuna oħra u li kien qed iġġor sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja tal-Pulizija.

L-Ispettur Roderick Attard spjega kif ilbieraħ filgħaxija l-Pulizija mill-għassa taż-Żejtun ġew avviċinati minn raġel barrani mimli demm li talab l-għajnuna medika. Waqt li kien qed jiġi assistit, il-Pulizija rċeviet telefonata anonima li informathom dwar argument f'dar fiż-Żejtun, bl-akkużat ikun arrestat ftit wara.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija