Qorti | 'Dak l-annimal reġa' missni' - Il-pulizija ffastidjata minn kollega

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest

L-eksuffiċjal tal-Pulizija, li qed ikun akkużat li stupra u ta fastidju lil żewġ kollegi tiegħu waqt il-ħin tax-xogħol, ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Waħda mill-vittmi xehdet, permezz ta’ videolink, u qalet lill-Qorti kif l-eksuffiċjal kien imissha waqt il-ħin tax-xogħol.

F’seduti oħra, il-Qorti semgħet waħda mill-vittmi tixhed kif ġiet stuprata fl-Għassa tal-Imsida.

Uffiċjal raġel xehed kif waħda mill-vittmi kienet marret tgħidlu: “Dak l-annimal reġa’ missni,” u kif anke, l-eksuffiċjal, ġieli staqsa kollega jekk tridx tmur weekend break miegħu.

L-Avukat tad-Difiża, Franco Debono, staqsa lill-pulizija li kien qed jixhed dwar l-impressjoni li ħalliet fuqu l-allegat vittma. “Kienet normali,” qal l-uffiċjal."

"Normali li kollegi tiegħek jiġu għandek u jgħidulek li xi ħadd misshom? Ma kinitx rrabbjata?”, staqsa Debono.

“Ma nafx ngħidlek x’kien għaddej minn moħħha. Kienet normali. Jiena dejjem normali rajtha,” wieġeb ix-xhud.

L-Ispettur Joseph Busuttil staqsa lill-pulizija jekk għamilx xi ħaġa biex jinvestiga. Huwa wieġeb li ż-żewġ allegati vittmi dejjem tkellmu miegħu b’mod kunfidenzjali.

“Qatt ma qaluli li riedu jirrappurtaw...qatt ma tkellimt ma’ ħadd dwar dan.”

Debono talab il-ħelsien mill-arrest waqt li fakkar li l-akkużat kien ilu tliet ġimgħat jinżamm arrestat. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx.

Il-Maġistrat Doreen Clarke tatu l-ħelsien mill-arrest, fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000, waqt li ordnatlu biex ma jitkellem ma’ ħadd mix-xhieda u lanqas ma ħadd mill-pulizija tad-distrett.

L-eks uffiċjal, li tkeċċa minn xogħlu wara l-każ, kien wieġeb mhux ħati meta tressaq akkużat li stupra u ffastidja kollega fl-Għassa u li akkatta sesswalment pulizija oħra f’karozza tas-servizz.

More in Qrati u Pulizija