Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Kuntistabbli mbikkem iwieġeb mhux ħati li stupra kollega

Akkużat ukoll li attakka kollega oħra f'karozza tal-Pulizja

Albert Gauci Cunningham / 19 ta' Marzu 2018 20:30
(Arkivji)
Kuntistabbli tal-Pulizija, li rriżenja mill-Korp dalgħodu, deher imbikkem meta tressaq akkużat li stupra u ffastidja kollega tiegħu fl-istess għassa li fiha kienu stazzjonati.

Jinsab akkużat ukoll li ftit tal-jiem ilu akkatta sesswalment pulizija oħra f’karozza tas-servizz.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ stupru, arrest illegali, fastidju sesswali u li wettaq reat li hu kellu dmir li jipprevjeni.

L-Avukat tal-akkużat, Alfred Abela, talab lill-Qorti biex ma jiġux imxandra d-dettalji tal-akkużat minħabba riperkussjonijiet li jista’ jkun hemm fuq il-vittmi. Il-prosekuzzjoni qablet u l-Qorti ordnat lill-midja biex ma xxandar l-ebda dettall.

Id-difiża talbet li fl-ewwel smigħ, li se jsir għada, il-vittma titla’ tixhed.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni saħqet li se tkun qed toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, fosthom għax tibża’ li jista’ jweġġa’ lilu nnifsu.

Il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.

Ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittmi involuti fil-każ.

L-uffiċjal kien ilu fil-korp tal-Pulizija tliet snin u wettaq dan l-allegat stupru xhur ilu.  Wieħed mill-attakki allegatament seħħ f'karozza tal-Pulizija ftit jiem ilu.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook