Il-PL jenfasizza l-iżvilupp ta’ Għawdex u l-fokus fuq il-familja waqt intervista ġewwa s-Sannat Għawdex

Il-Prim Ministru Robert Abela u kandidati tal-PL saħqu fuq ix-xogħol, l-investiment u s-servizzi soċjalI 

Waqt attività elettorali, ġewwa s-Sannat Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-progress li sar f’Għawdex, partikolarment fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol. Huwa rrakkonta kif fl-aħħar sigħat iltaqa’ ma’ diversi persuni f’Għawdex li qalu li l-gżira hija “mimlija xogħol”, u sostna li llum m’għadux hemm il-bżonn li l-Għawdxin jinżlu Malta biex jaħdmu.

Il-Prim Ministru wiegħed li l-gvern se jkompli jinvesti f’Għawdex, b’enfasi fuq proġetti infrastrutturali u sportivi, titjib fit-toroq, u tisħiħ tas-sistema tad-dawl permezz ta’ ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni. Semma wkoll investiment fl-edukazzjoni, fosthom ir-rinnovar ta’ skola primarja fin-Nadur li ġiet inawgurata flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Dwar il-konnettività, Abela rrefera għas-servizz tal-fast ferry u spjega li sar intervent biex il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex ikun bla ħlas għal dawk li jużaw l-vapur bil-pass, filwaqt li jinkoraġġixxi aktar nies jivvjaġġaw mingħajr karozza privata.

L-ewwel kandidata li indirizzat lill-folla, Fleur Abela, qalet li t-tbassir tal-PN li Malta kienet se ssir pajjiż fqir ma seħħx. Skont hi, illum il-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni fejn hemm aktar domanda għall-ħaddiema milli offerta. Hija kkritikat ukoll lill-Kap tal-PN Alex Borg dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq il-finanzi, u qalet li gvern Laburista jafda lill-esperti, fosthom il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Kandidat ieħor, Anthony Agius Decelis, enfasizza l-politika soċjali tal-partit, u semma kif bidliet fit-taxxa għenu lill-pensjonanti, b’referenza għal każ ta’ anzjana li ma baqgħetx tħallas taxxa wara riformi introdotti mill-gvern Laburista.

Il-Prim Ministru tenna li l-miżuri mħabbra mill-partit jkopru diversi setturi, iżda l-fokus ewlieni jibqa’ l-familja bħala ċ-ċentru tal-politika.

Fl-istess attività, is-Segretarju Parlamentari Keith Tanti Azzopardi tkellem dwar investiment fl-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, u semma inizjattivi bħal laptops u tablets b’xejn, żieda fl-istipendji u miżuri li jippromwovu s-saħħa fost iż-żgħażagħ, inkluż sħubijiet f’ġinnasji.

More in Politika