€1,000 “super bonus” fis-sena għal kull ħaddiem fost il-wegħdiet tal-PL

: Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pakkett ta’ miżuri soċjali u ekonomiċi li jinkludu għajnuna lill-familji, tnaqqis fit-taxxa u inċentivi ġodda

Kull ħaddiem f’Malta jkun intitolat għal “super bonus” ta’ €1,000 fis-sena jekk il-Partit Laburista jerġa’ jiġi elett fil-Gvern, skont tħabbira li għamel il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-miżura, li mistennija tiswa madwar €200 miljun fis-sena, se tingħata b’rata fissa irrispettivament mid-dħul u se tapplika għal impjegati, self-employed, studenti u pensjonanti li jaħdmu. Biex wieħed jibbenefika, irid ikun ilu resident f’Malta għal mill-inqas ħames snin.

Ħaddiema part-time li jaqilgħu sa €12,000 fis-sena se jirċievu bonus ta’ mhux inqas minn €500.

Fuq livell ta’ negozju, il-Prim Ministru ħabbar li kumpaniji b’fatturat ta’ inqas minn €1 miljun fis-sena se jħallsu taxxa ta’ 25% minflok 35%.

Fost il-miżuri oħra, il-Gvern Laburista qed jipproponi żieda ta’ €250 fl-allowance tat-tfal għal familji bi dħul ta’ inqas minn €40,000 fis-sena. Se jiżdied ukoll l-in-work benefit għal €150 għal kull tifel jew tifla, b’żieda addizzjonali ta’ €100 għal familji fejn jaħdem ġenitur wieħed biss.

Robert Abela ħabbar ukoll mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni għal dawk li ma jibqgħux eliġibbli għall-benefiċċju tal-housing. Dan ifisser li min jaqbeż il-limitu tad-dħul ma jitlifx l-għajnuna minnufih, iżda din tonqos gradwalment fuq sentejn — tnaqqis ta’ 50% fl-ewwel sena u sa 75% fit-tieni sena.

Meta mistoqsi dwar kritika minn NGOs ambjentali dwar reviżjoni tal-local plans, il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista se jfittex kunsens u mhux se “jgħaddi minn fuq ħadd”. Huwa kkritika wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, fejn allega nuqqas ta’ konsistenza fil-pożizzjonijiet tiegħu.

Robert Abela sostna li dawn il-miżuri huma sostenibbli minkejja l-isfidi internazzjonali, inkluż il-kunflitt fil-Lvant Nofsani, u faħħar lill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri u lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għall-immaniġġjar tal-ekonomija.

Fil-konferenza, Clyde Caruana qal li sakemm il-finanzi tal-Gvern jibqgħu b’saħħithom, il-familji se jkomplu jibbenefikaw minn dawn il-miżuri. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-deputata Ramona Attard.

Il-Prim Ministru temm billi appella lill-elettorat biex jikkunsidra dawn il-proposti fid-dawl tal-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju, li qal se tkun deċiżiva għall-futur u l-kwalità tal-ħajja f’Malta.

More in Politika