Il-Qorti tiċħad ir-rikors kostituzzjonali ta’ Joseph Muscat dwar l-inkjesta tal-isptarijiet

Il-Qorti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda element li juri li l-Maġistrat Inkwirenti aġixxiet bi preġudizzju jew b’nuqqas ta’ imparzjalità fil-konfront ta’ Muscat

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Il-Qorti ċaħdet ir-rikors kostituzzjonali mressaq mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.

Ir-rikors kien ġie ppreżentat fil-25 ta’ Marzu 2024 quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti. Muscat sostna li d-drittijiet fundamentali tiegħu kienu nkisru meta, sa mill-bidu tal-inkjesta fl-2019, huwa ġie trattat bħala suspettat mingħajr ma ngħata d-dritt għal smigħ xieraq. Huwa argumenta li ma tħalliex jixhed jew jippreżenta provi, minkejja li – skontu – qatt ma ġie formalment identifikat bħala suspettat.

Skont Muscat, saru wkoll passi investigattivi fil-konfront tiegħu, inklużi tfittxijiet fid-dar u fl-uffiċċju tiegħu, mingħajr ma ngħata n-notifiki legali meħtieġa. Barra minn hekk, huwa qal li kummenti fuq il-midja soċjali minn membri tal-familja tal-Maġistrat Inkwirenti, Gabriella Vella, dwar l-istess suġġett tal-inkjesta, qajmu dubji serji dwar l-imparzjalità tagħha.

Min-naħa tagħhom, l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali kkontestaw ir-rikors u sostnew li fl-istadju attwali tal-inkjesta ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet fundamentali. Huma spjegaw li inkjesta maġisterjali mhijiex proċedura ta’ natura avversarja u li, fl-istadju magħruf bħala in genere, il-Maġistrat Inkwirenti għandha diskrezzjoni sħiħa fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet. Dan l-istadju jikkonsisti f’fażi ġenerali fejn qed jiġi stabbilit jekk sarx reat, mingħajr ma jkun hemm persuna identifikata b’mod ċar bħala suspettata jew akkużata.

Wara li eżaminat il-provi u x-xhieda kollha, il-Qorti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda element li juri li l-Maġistrat Inkwirenti aġixxiet bi preġudizzju jew b’nuqqas ta’ imparzjalità fil-konfront ta’ Muscat.

Il-Qorti qalet ukoll li l-fatt li Muscat ma ngħatax aċċess għal ċerti atti tal-inkjesta jew ma tħalliex jixhed f’dak l-istadju, ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, peress li l-liġi ma tagħtix dawn id-drittijiet waqt li inkjesta maġisterjali tkun għadha għaddejja.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Muscat, inklużi dawk biex l-inkjesta tgħaddi għand Maġistrat ieħor u biex jingħata kumpens għad-danni allegati. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-Avukat Ġenerali ma kellhiex interess legali fil-każ u għalhekk m’għandhiex tibqa’ parti mill-proċeduri. L-ispejjeż kollha tal-kawża ġew imposti fuq ir-rikorrent.

F’reazzjoni fuq il-paġna tiegħu fuq il-midja soċjali, Muscat qal li jirrispetta s-sentenza tal-Qorti, iżda ħabbar li se jappella minnha. Huwa sostna li l-appell se jintuża biex, skontu, jiġi muri b’mod ċar kif saru manuvri vendikattivi fil-konfront tiegħu u tal-familja tiegħu.

More in Politika