Vandaliżmu fuq is-siġar fil-pjazza tal-Mosta kkonfermat mill-ERA

Toqob kbar jitfaċċaw fuq is-siġar tal-fikus fil-Mosta: Moviment Graffitti mbeżża’ li s-siġar tal-fikus, li f’Novembru li għadda kienu f’kontroversja minħabba t-tneħħija tagħhom, qed jiġu vvelenati

Toqob kbar jitfaċċaw fuq is-siġar tal-fikus fil-Mosta, bosta jibżgħu li qed jiġu vvelenati. (Ritratti: Moviment Graffitti)
Toqob kbar jitfaċċaw fuq is-siġar tal-fikus fil-Mosta, bosta jibżgħu li qed jiġu vvelenati. (Ritratti: Moviment Graffitti)

Is-siġar fil-pjazza tal-Mosta qed jaffaċjaw għal darba oħra theddida oħra, skont il-Moviment Graffitti hekk kif toqob kbar u likwidu misterjuż instab fihom.

“Matul dawn l-aħħar ġimgħat, fiz-zokk ta’ ħafna mis-siġar feġġew toqob kbar. Ma nafux min jew xiex ikkawża dawn it-toqob, iżda jidher ukoll li dawn qed jintużaw sabiex jiġi regolarment introdott likwidu ġos-siġar,” spjegaw       Graffitti.

Madwar it-toqob, komplew jgħidu, qed ikunu spiss niedi u mal-art qed jitħalla traċċi ta’ likwidu minn siġra għal oħra.

“Bosta esperti qalulna wkoll li s-siġar mhux qed jarmu l-ammont ta’ friegħi li suppost jarmu f’dan iż-żmien tas-sena,” qalu l-NGO.

Spjegaw li min-naħa tagħhom, Graffitti diġà pruvaw jaraw jekk dan kollu huwiex parti minn sforzi ta’ xi entità governattiva għat-trattament tas-siġar kontra l-mard jew l-insetti, iżda s’issa ma kien hemm ebda konferma.

Ikkonfermaw li rapporti seħħew mal-ERA u anke mal-pulizija, u issa qed jitolbu li l-awtoritajiet, il-Kunsill Lokali u l-ERA jinvestigaw dak li qed jiġri.

“Infakkruhom li l-kura ta’ dawn is-siġar, wara l-ħsara li għamlulhom meta pruvaw jaqilgħuhom, hija r-responsabbiltà sħiħa tagħhom,” l-NGO fakkret.

B’ritratti fuq il-midja soċjali tagħhom, l-NGO staqsiet żewġ mistoqsijiet:

  1. X’inhuma t-toqob li qed jidhru fis-siġar u x’inhuwa l-likwidu li hemm madwarhom u ġo fihom?
  2. Xi pjan ta’ kura hemm għal dawn is-siġar sabiex jirkupraw mill-ħsara li saritilhom f’Novembru?

L-ERA qed tinvestiga l-każ

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA kkonfermat li qed tinvestiga t- toqob li saru f’numru ta’ siġar fil-Mosta.

Fi stqarrija, l-awtorità qalet li bdiet tinvestiga minnufih dan il-każ bl-għajnuna tad-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti u bl-intervent tal-pulizija.

l-era fissret li dan hu att ta’ vandaliżmu li jista’ jhedded is-saħħa u l-integrità ta’ dawn is-siġar.

L-ERA żiedet tgħid li bħalissa qed twettaq għadd ta’ testijiet biex tistabbilixxi x’tip ta’ sustanza ntefgħet fis-siġar. Qalet li dan huwa intervent kruċjali f’attentat biex jiġi ddeterminat x’tip ta’ sustanza ntefgħet u x’rimedji jistgħu jittieħdu.

L-awtorità saħqet ukoll li qed isir kull sforz biex jiġu identifikati l-persuni responsabbli għal dawn l-azzjonijiet u ħeġġet lil kull min għandu xi informazzjoni biex jgħaddiha lill-awtoritajiet bil-għan li tgħin l-investigazzjoni.

L-ERA ħeġġet lill-pubbliku biex jikkopera mal-pulizija u jagħti kull għajnuna meħtieġa li tista’ tgħin fl-investigazzjoni ta’ dan il-każ.

More in Politika