Quddiem folla mdaqqsa fil-Birgu, il-Prim Ministru Robert Abela ġie ssuttat bil-bajd minn persuna li wara ġiet iddentifikata bħala l-mexxej tal-Partit ABBA, Ivan Grech Mintoff.
Iktar tard, fi stqarrija, il-Partit ABBA qal li din kienet parti minn kampanja ta’ “diżobidjenza” għal Jum il-Ħelsien biex Malta “inġibu dak li kien misruq minna.”
Għal mument l-istampa tal-filmat iddur fuq il-monumet li jfakkar Jum il-Ħelsien, iżda minn filmati oħra li qed jiċċirkolaw il-midja soċjali nistgħu nifhmu aħjar x’ġara.
Jgħajjat ftit passi ‘l bogħod mill-Prim Ministru, Grech Mintoff qal lil Abela biex jgħid il-verità.
“Għidilhom il-verità... In-newtralità ta’ malta bħal din il-bajda ġibtuha. Kissirtuha!,” werżaq Grech Mintoff qabel ma ġie mneħħi minn persuni tas-sigurtà.
“Ma jimpurtax, ma jimpurtax, żommu l-kalma, ma jimpurtax” instegħma jgħid b’kalma il-Prim Ministru.
Id-diskors ta’ Jum il-Ħelsien, li normalment isir fl-aħħar ta’ Marzu, seħħ ilbieraħ minħabba li l-festa din is-sena se tkun qed taħbat maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid.