L-ICM tilqa' l-approvazzjoni tal-istima tal-impatt ambjentali tal-iżvilupp tat-tieni interconnector

B'hekk, wasalna pass aktar viċin sabiex tirdoppja l-konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u l-bqijja tal-Ewropa

Fi stqarrija maħruġa minn Interconnect Malta (ICM), l-entità laqgħet l-approvazzjoni tal-istima tal-impatt ambjentali tal-iżvilupp tal-Interconnector 2, cable tad-dawl sottomarin bejn Malta u l-Italja. Din kienet maħruġa lbieraħ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

“Il-konklużjoni ta’ din l-istima, kif ukoll ir-reazzjoni pożittiva mill-Awtorità, huma pass importanti lejn it-tieni konnesssjoni tad-dawl bejn Malta u l-bqijja tal-Ewropa,” qalet l-ICM.

Din l-istima tlestiet aktar kmieni din is-sena, u tinkludi analiżi fil-fond tal-impatti ambjentali li jista’ potenzjalment inkun hemm fuq il-madwar, fosthom l-ekoloġija, arkeoloġija u l-ġeoloġija. Dan sar minn aktar minn 10 esperti minn oqsma differenti, fuq medda ta’ aktar minn sitt xhur. Ir-rapport jinkludi wkoll mżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu r-riskju tal-impatti waqt l-implementazzjoni.

L-inġinier Ismail D’Amato, il-Kap Eżekuttiv tal-ICM, spjega li, “il-kumpanija ddiskutiet dawn il-miżuri mal-ERA, u se tkun qed tassigura li jkunu nklużi fil-pjan ta’ implementazzjoni finali.”

“Interconnector 2 huwa proġett importanti għall-futur tas-sigurtà u s-sostennibbiltà tas-settur tal-enerġija ta’ Malta, hekk kif jissodissfatta żidiet fid-domanda, filwaqt li jwitti t-triq għall-ambizzjoni tal-Gvern li jkompli jżid mar-rinovabbli mqabbdin mal-grid fis-snin li ġejjin,” kompla jżid. “F’dan ir-rigward, it-tieni Interconnector huwa fattur ewlieni sabiex nersqu aktar lejn enerġija ħadra. Mill-istima, ridna niżguraw li l-proġett se jissalvagwarda l-ambjent anke waqt il-kostruzzjoni tiegħu.”

Interconnector 2, proġett li jista’ jkun ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, se jkun twil 118-il kilometru, li jinkludi 99 metru ta’ cable sottomarin, li se jkun qed jopera b’220 kV bejn Malta u Ragusa. Bih, se tkun qed tirdoppja l-konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u l-bqijja tal-Ewropa.

ICM issa se tkun qed tikkollabora mall-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll l-awtoritajiet l-oħra relevanti f’Malta u l-Italja, sabiex jiġu konklużi l-proċessi għall-permessi ta’ dan il-proġett. Analiżi simili f’Sqallija wkoll ġiet konkluża.

Wara li ġiet identifikata r-rotta preliminarja fl-2022, l-ICM qed tiffinalizza d-disinn, qabel tinfetaħ is-sejħa għat-tender għall-għodda, kif ukoll għall-iżvillupp sottomarin u installazzjonijiet ta’ fuq l-art.

Aktar kmieni dan ix-xahar, diġa nħarġet notifika t’informazzjoni għal żewġ reactors u transformer, li se jkunu nstallati fit-terminals tal-Magħtab u ta’ Ragusa. Lista għal kull sejħa għal tender fiż-żmien li ġej hija aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-ICM.

More in Politika