L-FAA b'oġġezzjoni formali kontra l-iżvilupp ta' lukanda f'Birkirkara

L-għaqda tisħaq li, “il-wirt storiku tagħna ma jistax jiġi ssagrifikat għall-viabilità ekonomika ta’ proġetti dubjużi.”

L-għaqda non-governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) daħħlet oġġezzjoni formali kontra l-iżvilupp ta’ lukanda li qed jiġi propost f’Birkirkara.

Din il-proposta, li tinkludi binja ta’ erba’ sulari fi ġnien ta’ palazz residenzjali fil-qalba ta’ Birkirkara, diġa qajmet qagħa, u bdew jinġabru l-firem għal petizzjoni biex topponiha.

L-FAA saħqet li din il-binja tmur kontra numru ta’ politika eżistenti, u se toħloq impatt viżiv kbir u inaċċettabli. Żiedet ukoll li l-integrità tal-palazz se tkun ipperikolata peress li ċistern eżistenti se jiġi mibdul f’pool.

L-għaqda nkwetata wkoll fuq il-fatt li l-proġett ma jinkludix parkeġġ, u b’hekk se joħloq aktar piż ta’ traffiku fuq iż-żona.

Finalment, l-għaqda tinsab urtata bl-“assudità tal-iżviluppatur,” li qed jgħid li, “il-proġett huwa neċessarju sabiex jiġi salvagwardjat il-futur tal-palazz. Dan għalhiex il-proposta hija neċessarja sabiex il-palazz ikun ekonomikament viabli.”

L-FAA tisħaq li, “il-wirt storiku tagħna ma jistax jiġi ssagrifikat għall-viabilità ekonomika ta’ proġetti dubjużi.”

More in Politika