Cyrus Engerer u Randolph Debattista jiftħu petizzjoni kontra żvilupp f’Birkirkara

Dan l-iżvilupp se jara ġnien antik mibdul “f’mostrożita’ ta’ iktar minn 3 sulari”

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer, flimkien mad-Deputat Parlamentari tal-PL Randolph Debattista, ħabbru petizzjoni kontra applikazzjoni ta’ żvilupp f’Triq Santu Rokku, Birkirkara.

Dan il-proġett jiġi faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Liena, u jħares fuq il-monti li jintrama kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa.

L-applikazzjoni tikkonċerna palazz residenzjali li jinbidel f’lukanda ta’ 38 kamra. Filwaqt li l-applikazzjoni ma tinkludix żieda fl-għoli tal-bini tal-palazz inniffsu, u dan se jkun fih 10 ikmamar, hemm propost li jsir pool fuq il-bejt tal-palazzo.

Hemm prospost ukoll estenzjoni f’parti mill-ġnien ta’ wara. L-estenzjoni tinkludi tħaffir ta' żewġ sulari, b’ristorant fl-ewwel sular taħt l-art, u bini ta’ erba’ sulari fuqhom, li jinkludu it-28 kamra l-oħra. Din taqa’ f’żona fejn il-pjan lokali jippermeti hostels. Madanakollu, lukandi m’humiex fil-lista ta’ żviluppi li jistgħu isiru fiż-żona.

L-applikazzjoni tresqet minn E&TM Co. Ltd, li s-sidien tagħha huma Thomas u Emmanuel Mifsud.

Fuq il-midja soċjali, Engerer stqarr li ddisgustat b’din il-proposta, fejn flok ġnien li ilu hemm mijiet ta’ snin tinbena “mostrożita’ ta’ iktar minn 3 sulari.” Saħaq li, “għandu jsir sforz biex ġonna eżistenti fiċ-ċentru tal-irħula tagħna jinxtraw mill-istat, kif ġie mwiegħed, u mhux jinbnew.”

Min-naħa tiegħu, Debattista jemmen li, “ir-raħal se jingħaqad. Jingħaqad favur investiment. Imma investiment li jagħmel sens. Jingħaqad biex jiddefendi wirt storiku.”

Wieħed jista’ jaċċessa l-petizzjoni billi jagħfas hawnhekk.

More in Politika