Opportunità għall-Uffiċjali Pubbliċi sabiex jitħarrġu fl-Emirati Għarab Magħquda fi programm Internazzjonali

L-għan tiegħu huwa li jiżviluppa l-abbilitajiet ta' gruppi ta' professjonisti fis-settur ċivili biex ikunu l-mexxejja futuri 

Waqt iż-żjara fl-Emirati Għarab Magħquda tas-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti iffirma ftehim ta’ kollaborazzjoni bilaterali u għaldaqstant ġiet maħruġa l-ewwel sejħa għall-uffiċjali pubbliċi sabiex ikunu parti mill-programm internazzjonali Global Government Leader Program.

Dan il-programm huwa offrut b’mod esklussiv mill-Emirati Għarab Magħquda lill-uffiċjali pubbliċi ta’ pajjiżi li għandhom ftehim bilaterali magħhom, kif għandha Malta. Permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ, kemm preżenti fil-pajjiż tal-Emirati Għarab Magħquda, kif ukoll online, dan il-programm għandu l-għan li jiżviluppa l-abbiltajiet ta’ grupp ta’ persuni professjonisti fis-settur ċivili sabiex ikunu l-mexxejja futuri fid-dinja.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti stqarr li din l-istedina għas-sehem ta’ Malta fi programm bħal dan hija xhieda tax-xogħol li bħala "pajjiż qegħdin nagħmlu ma’ pajjiżi oħra. Din hija opportunità unika fil-ġeneru tagħha li biha nistgħu ntejbu l-kwalità offruta mis-settur pubbliku liċ-ċittadin.” Huwa qal li diversi pajjiżi madwar id-dinja se jkunu qegħdin jagħtu sehemhom f’dan il-programm biex b’hekk ikompli jinxtered l-għarfien u l-kuntatti bejn il-pajjiżi b’mod globali. “Taħriġ bħal dan huwa mfittex ħafna għaliex jagħtina dimensjoni internazzjonali. Min jintgħażel żgur li se jikseb għarfien kbir li kapaċi jsarrfu ‘l quddiem, mhux biss personalment iżda anki għall-ġid tal-pajjiż” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Tkellem ukoll id-Direttrur tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), Omar Cutajar, fejn qal li dan hu kollu frott ta’ snin ta’ ħidma ma’ pajjiżi oħra. “Ilna naħdmu ħafna sabiex ikollna aktar kollaborazzjonijiet ma’ pajjiżi barranin. Nappella lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur pubbliku li jixtiequ jkunu parti minn dan il-programm sabiex jidħlu fuq is-sit tas-Segretarjat jew fuq is-sit tagħna l-MCST sabiex isibu aktar tagħrif u japplikaw,” temm jgħid Cutajar.

Il-Global Government Leader Program huwa miftuħ għall-uffiċjali pubbliċi li għandhom inqas minn 40 sena. Kandidat wieħed se jintgħażel sabiex jirrappreżenta lil Malta fost 30 kandidat minn pajjiżi oħra madwar id-dinja. Il-programm se jkun mifrux b’sessjonijiet li se jsiru bejn Settembru 2023 u Frar 2024.

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jidħol fuq Global Government Leaders Program – GGLP 2023 - MCST jew jibgħat email fuq [email protected]. L-applikazzjonijiet huma miftuħa sa nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju 2023.

More in Politika