Schembri jiċħad li kien hemm rabta bejn 17 Black, il-Power Station u l-kumpanija tiegħu fil-Panama

Mistoqsi jekk jafx ta' min hi Egrant Inc, kumpanija oħra fil-Panama Keith Schembri wieġeb fin-negattiv; "le ma nafx ta' min hi Egrant."

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri ċaħad li hemm konnessjoni bejn 17 Black, Tillgate u l-Power Station u qal li ma kienu proġettati ebda tranżazzjonijiet bejn il-kumpanija tiegħu u 17 Black. Huwa qal ukoll iżda li kien jaf li din il-kumpanija fid-Dubaj kienet ta' Yorgen Fenech u li meta joħroġ mill-politika kien se jidħol f'negozju miegħu, kif qal illi kulħadd ried li jagħmel. Huwa sostna li kien informa lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar 17 Black u kien qallu li din ma kellha xejn x'taqsam mal-politika, imma man-negozju tiegħu.

Mistoqsi jekk jafx ta' min hi Egrant Inc, kumpanija oħra fil-Panama miftuħa fl-istess perjodu għal dik tiegħu, Keith Schembri wieġeb fin-negattiv; "le ma nafx ta' min hi Egrant."

'Ftaħt Trust fi New Zealand wara li għalaqt it-Trust mal-BOV'

Għall-mistoqsijiet li kienu qed isirulu huwa qal li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien mar fuqu u qallu li xtaq jagħmel bħalu, wara li fetaħ kumpanija fil-Panama, għax dan qallu illi kull ma jmiss hu jsir deheb. Minkejja li għall-ewwel ċaħad li hu bagħat lil Mizzi għand Nexia BT, ftit wara kkontradixxa dan meta qal illi ssuġġerielu jmur għand Nexia BT li kienu wkoll l-awdituri ta' Joseph Muscat meta dan kien għadu Membru Parlamentari Ewropew. Huwa ċaħad iżda li qatt qal lil Konrad Mizzi x'għandu jitfaħ. 

L-eks Chief of Staff spjega wkoll kif hu kellu ħafna offshore companies u li fetaħ Trust fi New Zealand marbuta mal-kumpanija fil-Panama wara li għalaq trust minn mal-BOV, hekk kif dettalji dwar din it-Trust ġew leaked biċ-Chairman tal-istess bank dak iż-żmien John Cassar White jgħidlu li ma jistax jeskludi li kien hemm leak mill-bank. "Jiena għalhekk għalaqt it-Trust mal-BOV u mort New Zealand, li huwa pajjiż tal-Commonwealth, biex niftaħ it-trust u hemmhekk jgħidulek li trid kumpanija marbuta magħha," kompla jgħid hekk kif kien mistoqsi dwar il-kumpanija tiegħu fil-Panama. 

'Jiena ħriġt mill-politika iktar fqir milli dħalt' - Keith Schembri

Keith Schembri ripetutament ċaħad li hu b'xi mod arrikkixxa lilu nnifsu, akkuża li ssir fl-Inkjesta Pubblika fl-Assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Anzi huwa sostna li minkejja li kontrih l-pulizija ma sabu xejn huwa ħareġ mill-politika iktar fqir milli daħal. 

Schembri, li kien qed iwieġeb dwar il-kuntratt lill-Electrogas, sostna li l-għan ewlieni tiegħu u tal-Partit Laburista kien li jonqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif kien imwiegħed. Huwa sostna li hu ma kienx involut fil-proċess tal-Electrogas u lanqas ma kien imdaħħal fl-għażla ta' Konrad Mizzi bħala l-Ministru tal-Enerġija, anke jekk qal li kienet tagħmel sens din l-għażla - fis-sens li Mizzi kien mexxa l-kampanja tal-Partit Laburista dwar l-enerġija. 

Keith Schembri qal illi huwa kien wieħed minn ħames minn nies li fasslu l-manifest u xogħlu kien li jaqbad is-sondaġġi u jara x'inhuma l-aktar affarijiet importanti li l-Partit Laburista kellu jindirizza. Huwa qal li d-deċiżjoni li ssir Power Station kienet ta' dan il-grupp kollu li kienu jieħu d-deċiżjonijiet, ibbażati wkoll fuq dak li kienu jgħidulhom l-esperti fil-qasam. 

Wara l-2013...

Schembri spjega kif wara kull Kabinett l-eks PM Muscat kien ilaqqa' lin-nies, bħal ma fil-fatt diversi drabi kien isejjaħ għal Konrad Mizzi biex jara fejn waslet il-wegħda tal-Power Station, li jerġa' jfakkar illi kienet l-aktar wegħda pre-elettorali importanti biex b'hekk jitraħħsu l-kontijiet. 
Minn barra l-laqgħat tal-Kabinett, Schembri kien attenda f'laqgħa waħda li titratta dan il-proġett u li mar għaliha għax il-Ministru ma setax ikun preżenti. Huwa qal li għal din il-laqgħa hu ma pparteċipax u qagħad jisma' biss. 

Dwar il-11 ta' Ottubru 2013, meta saret laqgħa dwar min se jkun il-preferred bidder għall-proġett tal-Electrogas, id-Deputat Nazzjonalista David Agius staqsa jekk Schembri kienx jaf dwar l-eżitu ta' tali laqgħa.  It-tweġiba kienet fin-negattiv u l-eks Chief of Staff qal  li ma jafx jekk kienx infurmat dwar l-eżitu ta' din il-laqgħa għalkemm jgħid li hija ovvja li l-Prim Ministru kien ikun infurmat. 

Agius fakkar li l-Bord tal-Enemalta ltaqa' l-għada ta' din il-laqgħa propju biex jiddiskuti dak li kien diġà deċiż il-jum ta' qabel f'Kastilja. 

Schembri qal illi hu ma jkunx ra l-abbozz tat-tender għax dan huwa dokument tekniku u lanqas kellu d-dettalji tat-tender. Saħaq ukoll li la kellu sehem u lanqas influwenza fl-għażla tal-Electrogas għal dan il-proġett. 

Huwa qal ukoll li rappreżentant tal-istat Ġermaniż f'isem is-Siemens f'laqgħa fl-2013 kien talbu biex il-Gvern ikun ġust għax il-kumpanija kellha ċans tirbaħ it-tender għal dan il-proġett. Schembri qal li huwa wieġbu li jirbaħ, min għandu jirbaħ. Qal ukoll li ma kien hemm ħadd iktar minn dawk li urew interess li lilu kellmuh dwar il-proġett. 

Keith Schembri waqt il-Laqgħa tal-PAC
Keith Schembri waqt il-Laqgħa tal-PAC

'Qatt ma kellimt lis-sidien tal-Electrogas dwar il-proġett'

"Qatt ma kellmuni," sostna Schembri meta mistoqsi jekk qattx kien hemm min mill-Electrogas (Gasan, Apap Bologna u Fenech) li kellmuh minn qabel dwar dan il-proġett. 

Huwa qal li mal-familja Fenech iltaqa' qabel l-elezzjoni u anke wara u sostna li hu kien jiltaqa' ma' kulħadd. Sostna wkoll li meta kien qed jitkellem u każwalment issemmiet il-Power Station huwa ħadha li George Fenech ma kienx interessat fi proġett ta' Power Station, minkejja li qal li waqt din il-laqgħa d-diskors dwar dan il-proġett qam biss każwalment. 

Mistoqsi jekk iltaqax mal-Ultimate Brnrficiary Owners tal-Electrogas ladarba ntrebaħ it-tender mill-kumpanija huwa wieġeb fil-pożittiv u qal li ltaqa' ma' Yorgen Fenech darba dwar il-proġett fil-laqgħa li semma' diġà u li għaliha hu ma kienx tkellem. 

"Kienu moqdijin tajjeb minn Konrad Mizzi," qal Keith Schembri meta mistoqsi jekk rappreżentanti tal-kumpanija iltaqgħux miegħu.

Huwa ċaħad li qatt iltaqa' ma' xi ħadd dwar garanzija bankarja għall-proġett tal-Electrogas.

Dwar email mill-Kap Eżekuttiv tal-Electrogas, li trattat laqgħa ma' Yorgen Fenech, biex jingħalaq il-qbil fosthom dwar l-iffinanzjar tal-proġett Keith Schembri qal li ma jiftakarx jekk irċeviex din l-email jew le, għalkemm qal ukoll li ma weġibx lura.

 

More in Politika