Steward jheddu b'azzjoni legali u jisfidaw lill-Qorti billi jindikaw li se jżommu f'idejhom l-Isptar

Il-kumpanija ssejjaħ d-deċiżjoni tal-Qorti "għarukaża"

Il-kumpanija li qed tmexxi tliet sptarijiet pubbliċi u li ingħatat il-konċessjoni biex tagħmel dan mill-Vitals Global Healthcare, liema konċessjoni ġiet nullifikata u kkunsidrata bħala "frodi" illum fil-Qrati Maltin, qed tisfida lill-istess Qorti u thedded b'azzjoni legali. Il-kumpanija Steward Healthcare li ingħatat konċessjoni mill-VGH - li llum reġà rriżulta mill-Qorti illi għamlet "farsa" mit-tragwardi li suppost kellha tilħaq - qalet illi qed toġġezzjona bil-kbir għad-deċiżjoni tal-Qorti. 

Steward Healthcare qalet illi se tkun qed tikkunsidra il-pożizzjoni tagħha u se tirriserva kull dritt li tissalvagwardja l-interessi tagħha f'fora legali Maltin u anke internazzjonali. Hija sostniet li l-allegazzjonijiet tal-Qorti huma "għarukaża" u bla bażi u sostniet illi jidher li din is-sentenza fiha ħafna nuqqasijiet. 

"Aħna nemmnu din is-sentenza tmur lilhinn minn dak li suppost twettaq il-Qorti u tippreżenta tħassib kbir għall-governanza f'Malta u għandha wkoll implikazzjonijiet għall-futur tal-investiment barrani," kompliet tisħaq il-kumpanija wara s-sentenza skjaċċanti fil-konfront tagħha. 

Il-kumpanija temmet timplika li hija mhux se tħalli l-isptarijiet pubbliċi minn idejha u se tibqa' toffri, dik li hija qalet illi huwa "servizz ta' standards professjonali." 

More in Politika