'Illum ingħatajna raġun' Grech, il-Gvern u Metsola jirreaġixxu għas-sentenza tal-Vitals

Il-Gvern sostna li se jassigura li jħares l-interess nazzjonali, l-impjiegi tal-ħaddiema kollha u s-servizzi tal-pazjenti 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li l-"Qorti llum tat raġun lill-Oppożizzjoni, li ilha mill-bidu nett tisħaq li l-kuntratti tal-isptarijiet tal-poplu huma korrotti." Dan qalu b'reazzjoni għas-sentenza mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale dwar il-konċessjoni tal-Isptarijiet ta' San Luqa, dak ta' Karen Grech u dak Ġenerali ta' Għawdex, fil-kawża li fetaħ Adrian Delia kontra Vitals Global Healthcare (VGH). 

Aktar kmieni l-Imħallef Depasquale iddikjara l-kuntratt bħala null u ddeskrivih bħala "frodi" minn fuq dahar il-poplu minn naħa ta' Steweard u l-predeċessur tagħha VGH. 

Grech qal li grazzi għal Adrian Delia, li meta kien Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni fetaħ din il-kawża u mexxiha "biex illum kellna verdett li tana raġun."

Żied jgħid illi, li kieku ma kienx għall-Oppożizzjoni, l-poplu kien se jibqa' jinsteraq il-mijiet tal-miljuni. Qal illi, "Abela u sħabu mhux biss baqgħu jiddefendu lil min ta l-isptarijiet bi frodi talli baqa' jiddefendi deal li sejħulu the real deal". 

Fl-aħħar Grech temm jgħid illi l-Prim Ministru, minflok iddefenda lill-poplu, "iddefenda lill-korrotti u l-frodisti. Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, huwa korrott." 

Min-naħa tiegħu, il-Gvern stqarr fi stqarrija li qiegħed janalizza s-sentenza. Qal illi f'kull eventwalità se jassigura li jħares l-interess nazzjonali, l-impjiegi tal-ħaddiema kollha u s-servizzi kollha li pazjenti jieħdu mill-isptarjiet, li huma mertu tal-konċessjoni li dwarha ngħatat is-sentenza surriferita.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li wkoll ireaġixxiet għal din is-sentenza, sostniet li din hija rebħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu u li se tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. "Id-deċiżjoni turi li l-kuntratti la kienu fl-interess tal-ħaddiema tas-saħħa u lanqas tal-pazjenti." 

More in Politika