2,000 operazzjoni se jibdew isiru fl-Isptar St. Thomas biex titnaqqas l-lista ta' stennija

Id-Deputat Prim Ministru Fearne stqarr li tul din is-sena l-ammont ta' operazzjonijiet mistenni jibqa’ jirranka, anke permezz ta’ dawn l-inizjattivi u permezz tal-ftuħ taċ-Ċentru Reġjonali Vincent Moran

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar inizjattiva ġdida tal-Isptar Mater Dei sabiex jiżdiedu l-operazzjonijiet magħmula mis-servizz tas-saħħa pubblika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar St Thomas, id-Deputat Prim Ministru ħabbar kif wara proċess ta’ sejħa kompetittiva, l-isptar intgħażel sabiex joffri sala tal-operazzjonijiet u sala bi ħmistax-il sodda għall-użu tal-pazjenti tas-sistema tas-saħħa pubblika, bla ħlas. Huwa stmat li f’dan l-isptar se jsiru mat-tmien operazzjonijiet kuljum mil-listi tal-Isptar Mater Dei, u għalhekk matul l-ewwel sena jsiru mal-2,000 operazzjoni addizzjonali.

“Qegħdin nużaw ir-riżorsi kollha tal-pajjiż, b’mod effiċjenti, biex inżidu l-operazzjonijiet u nnaqqsu l-istennija,” stqarr il-Ministru Fearne, li spjega kif is-swali tal-operazzjonijiet tal-Isptar Mater Dei qegħdin jintużaw matul il-ġurnata kollha, inkluż fil-Ħdud u fil-festi. Apparti dan, il-Gvern ħareġ numru ta’ sejħiet kompetittivi pubbliċi sabiex jinxtraw is-servizzi tal-isptarijiet privati tal-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru fakkar kif matul is-sentejn tal-pandemija, ir-riżorsi umani tas-sistema tas-saħħa pubblika kienu rilokati sabiex jieħdu ħsieb il-pazjenti bil-COVID-19 biex ikunu salvati l-ħajjiet. B’riżultat ta’ dan kienu posposti numru sostanzjali t’operazzjonijiet li ma kinux urġenti. Huwa spjega li matul l-2022, meta bdiet tbatti l-imxija tal-COVID-19, saru mas-60,500 operazzjoni, li jfisser li saru iżjed mill-ammont medju t’operazzjonijiet fis-sena, sabiex l-isptar jilħaq mal-appuntamenti tal-operazzjonijiet li kienu posposti matul is-sentejn ta’ qabel.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne stqarr li tul din is-sena l-ammont ta' operazzjonijiet mistenni jibqa’ jirranka, anke permezz ta’ dawn l-inizjattivi u permezz tal-ftuħ taċ-Ċentru Reġjonali Vincent Moran iżjed tard din is-sena, fejn se jkunu qed isiru ‘day surgeries’. Dan kollu bil-għan li l-pazjenti Maltin u Għawdxin jinqdew bl-aqwa servizz, fl-inqas żmien possibbli.

More in Politika