L-iżviluppaturi jirribattu: 'Se tonqos l-art mibnija u l-proġett se jirrispetta l-Pjan Natura 2000'

L-iżviluppaturi sostnew ukoll illi f'dan il-proġett il-konsum tal-enerġija se jitnaqqas b'mod drastiku permezz ta’ sistemi ta’ cross ventilation, thermal mass u l-installazzjoni ta’ sistemi b’konsum baxx

Immaġini tal-proġett f'Kemmuna
Immaġini tal-proġett f'Kemmuna

Hekk kif il-proġett tal-Comino Hotel qed jiffaċċja eluf ta' oġġezzjonijiet u kritika minn diversi għaqdiet non-governattivi l-iżviluppaturi HV Hospitality irrbattew għall-kritika u sosna li ż-żoni li fil-fatt diġà huma mibnijin se jonqsu b'5,122 metru kwadru, meta wieħed iqabbilhom mal-bungalows diġà mibmija li jfakkru illi ilhom snin sħaħ fi stat ta' telqa. 

L-investiment ta’ €100 miljun li qed isir kollu b’mod privat minn HV Hospitality, sussidjarja ta’ Hili Ventures, se jieħu sentejn u nofs biex jitlesta minn meta jinħareġ il-permess ta’ l-ippjanar. Il-lukanda l-ġdida, li se tkun tikkonsisti f’71 kamra u 19-il bungalow, se tkun tinkludi spa, żoni ta’ l-ikel u ħanut żgħir ta’ 39 metru kwadru minn fejn se jkunu qed jinbiegħu "oġġetti neċessarji bażiċi ghat-turisti."

L-iżviluppaturi sostnew ukoll illi f'dan il-proġett il-konsum tal-enerġija se jitnaqqas b'mod drastiku permezz ta’ sistemi ta’ cross ventilation, thermal mass u l-installazzjoni ta’ sistemi b’konsum baxx. "L-għan jibqa’ dak li jkun imminimizzat il-konsum tal-enerġija sabiex ikun imkessaħ il-bini. L-ilma li se jkun qed jintuża fil-bungalows se jkun qed jissaħħan b’sistema ta’ solar thermal units," qal il-Grupp. 

Intant dwar l-akkużi ambjentali li jitrattaw il-proġett u dawk li jitrattaw in-Natura 2000 u l-Pjan Lokali ta’ l-2006 għal Għawdex u Kemmuna u jgħidu li dan il-proġett jirrispetta bis-sħiħ l-aspetti kollha fil-pjan li jitratta Natura 2000 "u kull pjan ieħor li jgħodd għal Kemmuna."

"Il-bungalows il-ġodda se jkunu sular għoli biss," ifakkru l-HV Hospitality, filwaqt li qalu wkoll li l-proġett se jħaddem strateġija ta' dawl minimu. 

Dwar l-iskart tal-kostruzzjoni il-grupp qal dan "kemm jista’ jkun jerġa’ jintuża’."

"Se nkunu qed nadottaw metodi ta’ kostruzzjoni b’materjali prefabricated. Ir-restawr ta’ ċerti żoni bħalma fejn hemm it-tennis courts tal-lukanda l-antika se jitreġġgħu lura għall-istat oriġinali naturali tagħhom bl-użu ta’ materjal riċiklat. Kull tip ta’ skart mill-kostruzzjoni se jintrema skond il-liġijiet ambjentali ta’ Malta."

Huma temmew jaċċertaw li ż-żoni pubbliċi madwar Kemmuna se jibqgħu kollha kemm huma aċċessibbli għall-pubbliku u suġġetti għar-regoli ta’ l-awtoritajiet nazzjonali. 

More in Politika