‘Gradwa u spiċċa l-ħabs fuq reat żgħir li wettaq snin qabel ... telaq mill-pajjiż għax il-kondotta baqgħet tiġri warajh’

Il-kondotta għadha tagħmel sens? Persuna li tkun irriformat ruħha għaliex għandha tibqa’ bil-kondotta tiġri warajha? Qed nagħtu biżżejjed importanza lir-rijabilitazzjoni jew qed nibqgħu mwaħħla mal-preġudizzji? Il-Gvern wiegħed riforma imma x’jaħsbu dawk li jaħdmu mal-priġunieri? L-ILLUM tistaqsi

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Gvern ħabbar li fix-xhur li ġejjin se jkun qed iniedi konsultazzjoni pubblika bil-għan li sentenzi dwar pussess sempliċi ta' droga ma jibqgħux imniżżla fil-kondotta wara ċertu perjodu. Dan bil-għan li persuni li jkunu skontaw is-sentenza u jirriformaw lilhom infushom, ma jibqgħux bil-passat jiġri warajhom u jkunu jistgħu jsibu impjieg.

Waqt laqgħa bit-tema “Nagħtu t-Tieni ċ-Ċans” diversi persuni li jaħdmu mal-priġunieri u eks-priġunieri tkellmu dwar id-diffikultajiet li persuni li joħorġu mill-ħabs jiffaċċjaw biex isibu impjieg, jiftħu kont il-bank u allura ikunu f'pożizzjoni li jibdew il-ħajja mill-ġdid. 

Diversi persuni li tkellmu qalu li l-kondotta f'ħafna każi qed tibqa' tiġri wara persuni li jkunu rriformaw ruħhom u qed tispiċċa isservi ta' tieni senteza għal dawn l-istess persuni, għax wara li jiskontaw is-sentenza ma jkunux jistgħu jerġgħu jibnu ħajjithom. 

Din ir-riforma kienet waħda mill-wiegħdi tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, il-manifest elettorali kien jgħid hekk: “Nemmnu li persuna għandha tingħata kull opportunità biex tibda ħajja ġdida għaliex mhux ġust li persuna tibqa’ ġġorr tikketta għal għomorha. Fil-preżent dan jibqa’ jseħħ anke wara li jkunu għaddew snin minn meta l-persuna tkun irriformat ruħha. Se niftħu diskussjoni mal-entitajiet li jmexxu programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga dwar il-possibbilità li persuni li jkollhom il-kondotta tagħhom imċappsa fuq pussess sempliċi ta’ droga jkollhom l-opportunità ta’ reviżjoni tal-kondotta tagħhom wara numru ta’ snin.”

Propju dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ persuni li jaħdmu fil-qrib ma’ priġunieri u eks priġunieri biex tifhem aktar għaliex din ir-riforma hija importanti. Imma għaliex qed nitkellmu fuq pussess sempliċi ta’ droga biss? Wara kemm se tkun irriveduta l-kondott? U sakemm tkun irriveduta x’se jiġri?

‘Qabel din ir-riforma rridu nsaħħu l-kunċett tar-rijabilitazzjoni’

Charles Mifsud, wieħed mill-fundaturi tal-Fondazzjoni RISe, qal mal-gazzetta ILLUM li qabel ir-ir-riforma dwar il-kondotta, hemm ħafna fatturi oħra li jeħtieġ jiġu indirizzati, inkluż it-tisħiħ tal-kunċett tar-rijabilitazzjoni li hu u l-Fondazzjoni li jmexxi, tant jagħfsu fuqha.

Mifsud beda jfakkar li l-kondotta hija konsegwenza tas-sentenza u għalhekk staqsa għaliex persuna li tkun skontat is-sentenza tagħha għandha tibqa’ tbati l-konsegwenzi anke wara.

Fi kliemu, aktar milli tinqata’ linja dritta hemm bżonn li jinħoloq bilanċ imma insista li mhuwiex ġust li persuna li jkun irriforma ruħu jibqa’ bil-kondotta tiġri warajh għal għomru.

Qal li jaf b’esperjenzi ta’ eks priġunieri li wara li ħarġu mill-ħabs u marru biex japplikaw għax-xogħol, lanqas biss marru għal-laqgħa meta kienu mitluba l-kondotta, għax jafu x’se tkun ir-risposta.

‘Għaliex nistudja fil-ħabs jekk meta noħroġ ma nsibx opportunitajiet’

Kien hawn li Mifsud insista li dan jaħdem kontra l-kunċett tar-rijabilitazzjoni għax priġunier mhux qed jingħata inċentiv biżżejjed biex jirsisti għax jaf li jagħmel x’jagħmel, wara li joħroġ mill-ħabs, hemm il-kondotta li se tibqa’ tiġri warajh.

“Għaliex naħdem fil-ħabs jekk noħroġ barra u ma nsibx xogħol? Għaliex nistudja fil-ħabs jekk imbagħad noħroġ hemm barra u ma nistax nipprattika l-ħiliet li ksibt?”, staqsa Mifsud.

Kien hawn li insista li minflok qed inħeġġu lill-priġunieri biex isibu t-triq it-tajba, mhux qed nagħtuhom rijabilitazzjoni sħiħa. Semma pereżempju priġunieri li kienu jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà li anke wara s-sentenza ma ngħataw mill-ġdid il-liċenzja jew inkella xufiera tat-taxis li wkoll sabu l-istess ostakli.

‘Mekkaniżmu għandu jsegwi l-progress tal-persuna’

Propju għalhekk li l-proposta ta’ Mifsud hija li jkun hemm mekkaniżmu li jsegwi lill-priġunieri b’mod kontinwu, jekk hemm bżonn anke għal xi żmien wara li jiskontaw is-sentenza biex jekk vera jkunu għamlu rijabiltazzjoni tajba u din tkun kontinwa, allura jingħataw dak li jkollhom bżonn biex il-kondotta ma tibqax tiġri warajhom.

Insista li dan huwa essenzjali għax persuna trid issib xogħol minnufih, malli toħroġ mill-ħabs u mhux snin wara. 

Spjega kif dan għandu jgħodd mhux biss għal dawk li jagħmlu programmi ta’ rijabilitazzjoni barra mill-ħabs, bħalma huwa l-programm tar-RISe, imma lil kulħadd.

Fil-fatt, Mifsud ma jaqbilx lanqas li r-riforma mwiegħda tkun tinkludi biss sentenzi dwar pussess sempliċi u laqa’ l-kummenti tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard li qal li l-Gvern lest li jmur oltre minn dan ir-reat.

‘Jekk toħroġ mill-ħabs u ma ssibx xogħol minn xi mkien trid tiekol’

Apparti minn hekk, Mifsud qal li l-kondotta mhux qed tgħin biex tonqos ir-rata ta’ reċidiviżmu. Fi kliemu, jekk priġunier joħroġ mill-ħabs u ma jsibx opportunitajiet biex jaqla’ dħul diċenti, minn xi mkien irid jiekol.

Kompla jispjega kif ir-rijabilitazzjoni għandha kemm effetti immedjati imma anke fit-tul. Semma riċerka, inkluż statistiċi lokali, li juru kif ulied li mdorrija jaraw lill-ġenituri tagħhom deħlin u ħerġin il-ħabs, hemm aktar ċans li anke huma jinqabdu f’dawn iċ-ċirku.

“Għalhekk importanti li nħadmu dan il-mekkaniżmu. Bi ftit sens komun, nistgħu nsaħħu l-kunċett tar-rijabilitazzjoni. Malta għandha x-xorti li għandha ħafna programmi, mhux biss ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.”

Kien hawn li tenna li r-riforma li wiegħed il-Gvern trid tkun aktar wiesgħa. Fi kliemu, qabel din ir-riforma hemm fatturi oħra li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni. Fost dawn semma li għandu jissaħħaħ il-kunċett tar-rijabilitazzjoni li d-dinja qed tagħraf l-importanza tiegħu.

“Irridu nistaqsu wkoll liema sentenzi għandhom jidhru fil-kondotta u liema le? X’inhu l-progress li persuna trid tkun għamlet biex ikollha reviżjoni tal-kondotta? X’tip ta’ sentenzi se jingħataw? Qabel din ir-riforma hemm aktar xogħol li jeħtieġ isir biex nassiguraw li din tkun riforma li tgawdi minnha s-soċjetà kollha,” temm jisħaq Mifsud. 

George Busuttil
George Busuttil

‘Il-kondotta qisha sentenza ta’ għomor il-ħabs ... ċertifikat għandu juri l-progress li persuna tkun għamlet’

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, George Busuttil, qal mal-gazzetta ILLUM li meta bniedem iwettaq reat, jitressaq il-Qorti u jingħata s-sentenza, din suppost ikollha żmien definit. Madanakollu, fi kliemu, bil-kondotta persuna tkun qisha ngħatat sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Busuttil kompla jisħaq li l-investiment li jsir fil-priġunieri fil-ħabs u anke l-isforz li jagħmlu huma stess ikun inutli jekk meta joħorġu lura fis-soċjetà dawn il-persuni mhux se jsibu sostenn.

“Inutli ngħinu persuna fil-ħabs imma mbagħad malli toħroġ mhux se nagħtuha ċans bħal ħaddieħor u nagħmluha ħajjitha aktar diffiċli,” insista Busuttil u propju għalhekk li saħaq li kull pass lejn riforma tal-kondotta huwa pass tajjeb u bżonnjuż.

Fi kliemu, huwa diffiċli li wieħed jitkellem fuq l-eliminazzjoni tal-kondotta darba għal dejjem, anke għax qal li ċertu impjegaturi jrid ikollhom ftit salvagwardja. Madanakollu saħaq li xi kultant, il-kondotta toffri sigurtà falza. 

“Issa mbilli jiġi xi ħadd b’kondotta nadifa. Mela inti taf x’għamlet persuna jew inkella x’kapaċi tagħmel?” staqsa Busuttil.

‘Għandu jkun hemm ċertifikazzjoni li turi l-progress li persuna tkun għamlet’

Propju għalhekk li Busuttil qal li jemmen li apparti l-kondotta għandu jkun hemm tip ta’ ċertifikazzjoni li turi l-progress li persuna tkun għamlet fi żmien li kienet qed tiskonta s-sentenza u anke l-ħiliet ġodda li tkun kisbet.

Insista li l-Gvern, jiġifieri s-settur pubbliku jrid jagħti l-eżempju, anke għax il-Gvern mhux jimpjega persuni li jkollhom kondotta mċappsa.

Semma każ ta’ żagħżugħ li baqa’ mmarkat f’moħħu.

“Meta kellu 16-il sena, ma sħabu għamel ċuċata. Aktar prank milli reat. Il-Qorti kienet tagħtu sentenza sospiża imma kien hemm l-appell. Il-proċeduri fil-Qorti jdumu. Sadanittant, dan iż-żagħżugħ kiber, kompla jistudja, gradwa u beda jaħdem fis-settur tas-saħħa. F’daqqa waħda l-qorti tal-appell bidlet is-sentenza għal waħda effettiva u dan iż-żagħżugħ li kien laħaq biddel ħajtu u sab xogħol spiċċa l-ħabs. Tilef ix-xogħol minkejja li provajna. L-Istat investa fih imma mbagħad tefgħu ‘l barra. Spiċċa telaq barra minn Malta biex isib xogħol,” qal Busuttil.

Insista li kieku r-reat kien relatat max-xogħol kien jifhem it-tkeċċija tiegħu imma dan ir-reat ma kellux x’jaqsam u sar snin qabel. Fi kliemu dan kollu juri kemm il-pajjiż għadu lura biex verament jasal għal riforma aktar ħolistika.

“Wasal iż-żmien li jsir eżerċizzju serju li jipproponi affarijiet aktar intelliġenti u moderni,” insista Busuttil waqt li fakkar li ċ-ċokon ta’ Malta, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, joffri sfida akbar għal dawn il-persuni.

Fi kliemu, la l-Gvern irid jagħmel din ir-riforma, ifisser li qed jirrikonoxxi li hemm bżonn il-bidla. Tenna li dan huwa pass wieħed imma fid-direzzjoni t-tajba.

‘Naf b’nies li ħarġu mill-ħabs u lanqas 50 ċenteżmu ma kellhom’

Filwaqt li rrikonoxxa li hemm problema ta’ riżorsi, saħaq li l-ħabs kollu għandu jkun programm rijabilitattiv u kulħadd għandu jkollu aċċess għar-rijabilitazzjoni u għas-servizzi offruti. Fi kliemu diġà qed isir ħafna xogħol biex ikun assigurat li persuna li toħroġ mill-ħabs ikollha qafas fuq xiex tibni.

“Naf b’nies li ħarġu mill-ħabs u lanqas 50 ċenteżmu ma kellhom fuqhom,” insista Busuttil. “Mill-ewwel ġurnata li persuna tidħol il-ħabs għandha tibda l-ħidma biex l-awtoritajiet ikunu jafu x’inhuma l-bżonnijiet u l-isfidi ta’ dik il-persuna partikolari biex tingħata l-għajnuna kollha li hemm bżonn.”

Kien hawn li saħaq li hemm bżonn li jsir pjan tas-sentenza sa mill-bidu nett u mhux kollox jitħalla għall-aħħar ġimgħa ta’ persuna fil-ħabs. 

“Ix-xogħol irid jibda mill-ħabs. Persuna fil-ħabs għandha tqum filgħodu u jkollha skop. Persuna anke l-għażż tidra,” kompla Busuttil.

‘Jagħmel sens li nibagħtu persuna l-ħabs għal ftit xhur ... lanqas ħaqq iċċappasha’

Staqsa wkoll kemm jagħmel sens li persuna tintbagħat il-ħabs għal ftit xhur biss.

“Hemm pajjiżi li lanqas għal tliet snin ma tintbagħat il-ħabs u aħna ġieli nibagħtu lin-nies għal ftit xhur biss, lanqas sena. Lanqas ħaqq iċċappas persuna għal għomorha. Naħseb li wasal iż-żmien li nħarsu lejn is-sitwazzjoni kollha bis-serjetà.”

‘Biex persuna tikseb verament il-libertà tagħha trid tkun meħlusa minn kull preġudizzju’

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri, Christopher Siegersma li spjega kif ix-xogħol tiegħu mhuwiex biss li jiddefendi d-drittijiet tal-priġunieri imma anke jassigura li dawn ikollhom aċċess għas-servizzi u anke għar-rijabilitazzjoni.

Fil-fatt, Siegersma saħaq li fl-aħħar xhur, kien hemm żieda fl-ammont ta’ priġunieri li qed jaħdmu fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u dan bil-għan li jkollhom dħul imma anke biex ikunu ppreparati għad-dinja tax-xogħol meta jirritornaw fis-soċjetà.

Madanakollu, Siegersma saħaq li biex persuna tikseb vera l-libertà tagħha, irid ikun assigurat li tkun meħlusa minn kull preġudizzju jew fatturi li wassluha biex taqa’ fil-kriminalità.

‘Mingħajr impjieg, persuna tkun sfurzata tfittex mezzi illegali’

“Hemm ħafna sfidi li dawn il-persuni jiffaċċjaw meta jirritornaw fis-soċjetà. Dawn jinkludu l-akkomdazzjoni, ir-reċidiviżmu u anke l-kuntatt mad-dinja kriminali. Imma l-akbar sfida għal bosta tibqa’ dik li jsibu impjieg. Mingħajr impjieg, persuna tkun sfurzata tfittex mezzi illegali,” insista l-Kummissarju.

Fi kliemu, għaddejja ħidma permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija u servizzi oħra bil-għan li s-soċjetà tkun aktar lesta u ppreparata biex tilqa’ lura lil dawn il-persuni li jkunu skontaw is-sentenza.

Fakkar li huma tista’ tgħid l-impjegaturi kollha li jagħmlu tfittxija u jistaqsu dwar il-passat ta’ persuni li japplikaw għal xi mpjieg, imma l-Kummissarju saħaq li dan waħdu jista’ jwassal għal preġudizzju qawwi u jkompli jkisser lil dawk il-persuni li qed jipprovaw jibdew ħajja ġdida, lilhinn mill-kriminalità.

Qal li jkun hemm impjegaturi li jitolbu l-kondotta qabel ma’ persuna tmur għall-ewwel intervista. Fi kliemu, waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun liġi li torbot lill-impjegaturi biex jistennew l-istadji inizzjali tal-proċess ta’ ngaġġ qabel ma jingħataw aċċess għall-kondotta.

‘Lanqas kont bażiku l-bank ma jistgħu jiftħu’

Iżda fakkar ukoll li llum sempliċiment tfittxija fuq l-internet, malajr tgħidlek persuna xi tkun għamlet jew inkella x’issarraf. Il-fatt li Malta hija pajjiż żgħir ma jgħinx.

Siegersma qal li sfida oħra li qed jiffaċċjaw dawn il-persuni, anke jekk jirnexxielhom b’xi mod isibu impjieg, hija li l-banek mhux qed jiftħulhom kontijiet.

“L-awtoritajiet għandhom jassiguraw li jindirizzaw din l-isfida biex il-banek ma jiqfux sempliċiment mal-kondotta u jagħtu lil dawn l-individwi d-dritt li almenu jkollhom kont bażiku.”

Il-Kummissarju fakkar li persentaġġ konsiderevoli tal-popolazzjoni għandha, b’xi mod jew ieħor, il-kondotta mċappsa. Fakkar ukoll li f’Malta hawn nuqqas ta’ ħaddiema u allura staqsa jekk is-soċjetà hijiex se tibqa’ taħli r-riżorsi tagħha u titlef opportunitajiet milli timpjega persuni sempliċiment abbażi tal-kondotta tagħhom.

“Il-fatt li eks priġunieri jingħataw ċans ieħor biex isiru membri produttivi tas-soċjetà se jipproteġi wkoll vittmi potenzjali tal-kriminalità. Se tgawdi s-soċjetà kollha,” temm jgħid Siegersma. 

More in Politika