L-Arċidjoċesi tgħid li 70% tal-Maltin huma kontra l-abort jekk l-omm ma tkunx fil-periklu tal-mewt

Mill-banda l-oħra, l-istess stħarriġ tal-Arċidjoċesi juri kif 80% jiffavorixxu intervent mediku li jirriżulta f’terminazzjoni tat‑tqala f’ċirkostanzi fejn ħajjet il‑mara tkun fil-periklu, jiġifieri jaqblu li l-proċedura tibqa' kif inhi bħalissa

L-Arċidjoċesi ta' Malta qalet li 70% ta' dawk li wieġbu stħarriġ tagħha qalu li huma kontra l‑abort jekk it‑tqala ma tpoġġix il‑ħajja tal‑omm f’riskju.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li l‑istħarriġ sar mill-kumpanija Misco lejn l‑aħħar ta’ Novembru u twieġeb minn 800 persuna.

Dawk kollha li wieġbu l-istħarriġ u li għandhom aktar minn 24 sena, kollha wieġbu li huma kontra l-abort f'każi fejn il-ħajja tal-omm ma tkunx f'riskju.

Madanakollu, maġġoranza ta' 53% ta' dawk li għandhom bejn 16 u 23 sena jaqblu mat-terminazzjoni tat-tqala anke meta l-ħajja tal-omm ma tkunx f'riskju. Fil-fatt l-etajiet lagħbu logħba importanti, bis-sondaġġ juri kif dawk li huma l-iżgħar għandhom aktar tendenza li jkunu favur l-abort fiċ-ċirkostanzi kollha.

L-istess stħarriġ wera kif 80% jaqblu li jkun hemm intervent mediku li jirriżulta f’terminazzjoni tat‑tqala f’ċirkostanzi fejn ħajjet il‑mara tkun f’riskju, jiġifieri kif inhi l-proċedura bħalissa.

Qalet ukoll li wieħed minn kull ħames persuni li wieġbu, jiġifieri 21% biss jaqblu li l‑abort jintuża bħala mezz biex jillimita d‑daqs ta’ familja irrispettivament jekk is‑saħħa jew il‑ħajja tal‑omm hijiex f’riskju.

Dawk li ħadu sehem fl‑istħarriġ ġew mistoqsija dawn it‑tliet mistoqsijiet:

  1. Taqbel jew ma taqbilx mal‑abort fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin? Meta t‑tqala tipperikola l‑ħajja tal‑omm.
  2. Taqbel jew ma taqbilx mal‑abort fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin? Meta t‑tqala ma tipperikolax il‑ħajja tal‑omm.
  3. Taqbel jew ma taqbilx mal‑abort fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin? Meta l‑omm ma tkunx tixtieq li jkollha aktar tfal.

Dwar l‑abort f’każijiet fejn il‑ħajja tal‑mara ma tkunx f’riskju, 58% tan‑nisa u 78% tal‑irġiel qalu li huma kontra filwaqt li l‑oppożizzjoni għall‑abort tiżdied b’mod sinifikanti fil‑faxex li għandhom iktar minn 24 sena.

Il‑Parlament ta’ Malta bħalissa qed jivvota dwar emenda li tippermetti li jsir abort mhux biss fejn il‑ħajja tal-omm tkun f’riskju iżda wkoll f’każijiet fejn hemm ‘riskju gravi għas‑saħħa tal‑mara’.

Il‑Knisja esprimiet tħassib kbir dwar kwalunkwe bidla leġiżlattiva li tippermetti li t‑terminazzjoni ta’ tqala meta ħajjet il‑mara ma tkunx f’riskju.

Aqra aktar dettalji hawn:

L-Abbozz dwar l-abort pass eqreb biex isir liġi; Il-Gvern jivvota favur u l-Oppożizzjoni kontra

More in Politika