'Sens ta' tradiment... Kburi li vvotajt kontra l-Qatar u kontra l-linja tas-soċjalisti'

Il-Parlament Ewropew fi Strasburgu kien mimli attività u diskussjoni fl-aħħar jiem wara li tajjar minn postha lil waħda mill-Viċi Presidenti tiegħu. Il-gazzetta ILLUM kienet fi Strasburgu u tkellmet ma' tliet MEPs Maltin dwar l-aħħar żviluppi...

Il-ġimgħa li għaddiet il-Parlament Ewropew theżżeż xi ftit hekk kif ġiet arrestata waħda mill-Viċi Presidenti tiegħu, Eva Kaili, arrest fuq suspetti ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus li allegatament ġew mill-Qatar biex dan il-pajjiż - li qed jiċħad l-allegazzjoni - jipprova jinfluwenza lil Membri Parlamentari Ewropej fuq kundanni li l-Parlament kien ressaq f'riżoluzzjoni proprju dwar dan l-istess pajjiż. Kaili din il-ġimgħa ġiet imkeċċija mill-kariga b'vot prattikament unanimu, fi Strasburgu.

Il-gazzetta ILLUM kienet preżenti waqt dawn l-avvenimenti storiċi fil-Parlament Ewropew u ltaqgħet ma' tliet MEPs Maltin: Cyrus Engerer u Alfred Sant - li allura ġejjin mill-istess Grupp politiku ta' Eva Kaili - u anke mal-MEP David Casa, biex tifhem aħjar x'inhuma r-riperkussjonijiet kemm fuq il-Parlament imma wkoll fuq l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D). 

'Sens ta' tradiment... Kburi li vvotajt kontra l-Qatar, kontra l-linja tal-partit u favur id-drittijiet tal-bniedem'

"Sens ta' tradiment" wieġeb l-MEP Cyrus Engerer għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar x'kien is-sentiment prevalenti wara l-arrest ta' Kaili. "Din persuna li kienet parti mill-grupp tagħna, li konna naħdmu magħha fuq diversi temi. Aħna hawnhekk il-Parlament jaħdem billi huwa maqsum f'diversi Kumitati u l-kollegi noqgħodu fuq xulxin biex inkunu nafu x'inhu jiġri f'Kumitat u f'liema direzzjoni għandu jmur il-vot," sostna Engerer. 

Huwa qal li għalhekk tħossok tradut meta persuna tagħtik direzzjoni, "fl-istess ħin li kienet - allegatament - qed tirċievi flus u flus kbar."

Imma possibbli ħadd mill-Partit Soċjalista ma għorkitu xi ftit għajnejh meta Kaili saħansitra qalet illi l-Qatar jinsab fuq quddiem fid-drittijiet tax-xogħol, meta kienu rrapportati eluf ta' mwiet u ġrieħi minn ħaddiema f'temp ta' 10 snin ta' preparazzjoni għat-Tazza tad-Dinja?

Engerer jammetti u jisħaq hekk mal-ILLUM: "Iva u jiena kburi u sodisfatt li ngħid illi meta flimkien mal-ħaddiema tal-uffiċċju tiegħi rajt x'qed ikun propost dwar il-Qatar, ivvutajt kontra l-Qatar u favur id-drittijiet tan-nisa, favur id-drittijiet ta' persuni LGBTIQ u favur id-drittijiet tal-immigranti wkoll," sostna Engerer. Huwa qal li huwa vvota mal-prinċipji li dejjem emmen fihom, kontra l-linja li ħadu s-Soċjalisti - li fil-fatt ivvotaw kontra l-istess riżoluzzjoni li tikkundanna lill-Qatar.

Sena u nofs qabel elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Engerer jara illi dan l-episodju se jaffetwa l-immaġini kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi? 

Engerer beda billi qal li huwa jemmen li għad fadal bil-wisq aktar x'joħroġ, u ħeġġeġ sabiex "kull min għandu jinkixef, jinkixef u titwaqqaf kull responsabilità li dik il-persuna jista' jkollha. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-votanti biex jgħarblu l-ħidma tar-rappreżenti tagħhom fil-Parlament Ewropew, kif jaħdmu u kif jivvotaw.

'Il-Parlament Ewropew kien, għadu u jibqa' istituzzjoni li tagħti eżempju tal-istandards'

Il-Parlament Ewropew huwa meqjus minn bosta bħala l-istituzzjoni li toħloq l-istandards u allura - bir-raġun - ħafna jgħidu u jistaqsu: Jiġifieri anke l-istituzzjoni li suppost tagħti eżempju fi ħdanha hemm min jikkorrompi lilu nnifsu? 

Engerer beda billi fakkar illi l-korruzzjoni ssibha kullimkien, iżda l-importanti huwa li jkun hemm is-sistemi kollha eżistenti u qed jaħdmu biex jitnaqqas iċ-ċans li persuna tikkorrompi lilha nnifisha. "Iva, vera l-Parlament Ewropew kien, għadu u jibqa' l-eżempju tal-istandards. Imma dan ma jfissirx li ħadd mill-madwar 700 MEP ma jistax jitlef it-triq , xi darba jew oħra," sostna Engerer mal-ILLUM.

Huwa kompla jgħid li huwa jżomm rekord ta' kull laqgħa li jkollu u dan f'ġieħ it-trasparenza u sabiex meta jivvota fuq materja il-poplu Malti u anke dak Ewropew ikun jista' jara ma' min iltaqa' qabel dak il-vot. 

L-MEP saħaq li dan ir-resġistru għandu jkun obbligatorju. 

"Anke l-Whistleblowing. Irridu nistaqsu jekk is-sistema  - filwaqt li nisħqu li għandha tkun b'saħħitha fi Stati Membri - hix b'saħħitha biżżejjed fil-Parlament u fl-istituzzjonijiet," qal Engerer li kompla jappella wkoll favur qafas ta' etika mhux biss għall-MEPs imma wkoll għall-ħaddiema tagħhom u dawk tar-Rappreżentanzi Permanenti.

Finalment, Engerer jisħaq li fejn jirrigwarda l-Partit Soċjalista Ewropew l-azzjoni ttieħdet mill-ewwel u kemm Eva Kaili, kif ukoll numru ta' MEPs oħrajn tneħħew mill-kariga sakemm inaddfu isimhom. "U issa rridu inbiddlu internament bi proċeduri ċari ta' kif jaħdem il-grupp biex dak li ġara ma jerġax jiġri."

'Ma naqbilx li l-Parlament Ewropew huwa eżempju fl-istandards'

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-MEP Laburista Alfred Sant li għall-mistoqsija simili li saret lil Engerer huwa qal li ma jaqbilx illi l-Parlament Ewropew huwa "setter of standards". 

"Ma naqbilx għax l-istandards tal-kontrolli fuq id-Deputati huwa baxx ħafna," qal Sant li sostna illi per eżempju f'dak li jirrigwarda reġistru ta' laqgħat ma' lobbyists għadu volontarju, sakemm persuna ma tkunx f'kariga. "U anke meta tkun ma jfissirx li qed tniżżilhom kollha. U l-parteċipazzjoni tad-Deputati f'reġistru simili ma tantx kien tajjeb," qal Sant ma' din il-gazzetta. 

'Jiena nemmen li hemm xi ħaġa oħra'

Rigward l-aħħar żviluppi u l-effett tagħhhom fuq il-Parlament u l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi Alfred Sant beda billi qal illi ma jemminx li għadna smajna kollox fuq il-każ, li jsejjaħlu "stramb."

Huwa qal li dan il-każ huwa stramb għax wera' li ma jistax jifhem għaliex xi ħadd għandu jħallas biex jinfluwenza xi ħaġa tal-Parlament, hekk kif il-Parlament Ewropew din il-gazzetta tixtieq tfakkar - huwa kompletament differenti minn dak Malti, fis-sens li ma jilleġiżlax hu imma jressaq leġiżlazzjoni għall-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri li mbgħad jiddeċiedu waqt il-Kunsill Ewropew. 

"Jiena nemmen li hemm xi ħaġa oħra. Anke kif qed jiġi spustjat l-argument, jista' jkun li hemm 'sting operation'. Anke kif daħlu l-pulizija Belġjana hija mistoqsija oħra. Hemm affarijiet li għadhom mhux ċari," sostna l-MEP u l-eks Prim Ministru. Huwa għamel referenza għal artikli li deheru fuq Politico u li jindikaw il-possibilità li dan kollu hemm rabta miegħu titjiriet tal-Qatar Airways, "imma anke jekk hu hekk ma nistax nifhem kif Eva Kaili setgħet tinfluwenza din il-ħaġa, forsi għandi żball ta' jiġifieri."

"Ma neħodhiex bi kbira li hemm affarijiet ikbar. Jista' jkun li l-istorja hija ħafna akbar milli qed jgħidu u mhux għar-raġunijiet li qed jgħidu," saħaq Sant. 

U fir-rigward tal-effett fuq is-Soċjalisti Ewropej Sant ma tantx dar mal-lewża u saħaq li s-soċjalisti huma "demoralizzati." Huwa qal li dan speċjalment fid-dawl li l-grupp - skont hu  - huwa fost l-aktar li jimbotta ċerta standards, anke jekk jgħid li fuq bażi individwali ċerta MEPs ma humiex ta' eżempju. 

"Minkejja dan, niddubita li se jkollu impatt elettorali għax mhux bili jgħidu, l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hija miġġielda fuq kwistjonijiet nazzjonali," temm jgħid mal-ILLUM Alfred Sant. 

'Dak li ġara huwa tal-mistħija'

Intant il-gazzetta ILLUM staqsiet numru ta' mistoqsijiet lill-MEP Nazzjonalista David Casa wkoll li beda billi ddeskriva l-aħħar żviluppi bħala "tal-mistħija u mod ta' kif il-Parlament jiġi mfixkel."

Huwa qal ukoll iżda illi filwaqt li fuq l-MEPs hemm ċerta regoli u sistemi iebsa l-istess għandu jiġri fuq unjons jew għaqdiet mhux governattivi li mhumiex reġistrati mal-Parlament illi josservaw qafas ta' etika wkoll. Madanakollu iċċara li għax kien hemm xi unjins u xi NGOs li ġew avviċinati u allegatament aċċettaw flus, dan ma jagħmilx lill-unjins u NGOs kollha ħżiena u l-istess argument, ifakkar Casa għandu jgħodd fejn jirrigwarda l-MEPs. 

Il-gazzetta ILLUM twaqqfu u tistaqsih jispjega aħjar għalfejn qal "NGOs mhux irreġistrati". Huwa spjega li hawnhekk qed jirreferi għal NGOs li jkollhom laqgħat u attivtajiet fil-Parlament iżda li l-Parlament innifsu ma jkunx konxju tal-preżenza tagħhom jew inkella ta' min huma. 

"Ma jistax ikun li tiġi NGO tkellimni u jiena ma nafx min qed iħallashom jew inkella min hemm warajhom," qal Casa li kompla jammetti li hemm bżonn regoli "b'saħħithom immens" biex dak li ġara ma jerġax jiġri. 

Huwa għamilha ċara illi dawn l-iżviluppi koroh ma jirriflettux ikrah fuq partit politiku partikolari, anke jekk ifakkar li sal-ħin tal-intervista mal-gazzetta dawk li ntefa' dell fuqhom kienu kollha ġejjin minn partit wieħed. "Dawn huma ftit individwi li ma jissimbolizzawx il-valuri tal-UE u lanqas il-valuri tal-partiti ewropej." 

Huwa appella biex meta jitressqu riżoluzzjonijiet li jkunu ta' ċerta urġenza, dawn ma jitressqux biss minn persuna waħda imma jkollhom  warajhom diversi MEPs u  numru ta' firem, biex b'hekk jonqos iċ-ċans tal-abbuż. 

'L-irwol ta' Metsola kien importanti'

Casa faħħar il-passi li ħadet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u sostna li d-diskors li għamlet u d-deċiżjonijiiet li ħadet kienu f'waqthom. 

"L-irwol ta' Metsola kien importanti u uriet determinazzjoni filwaqt li ħadet deċiżjonijiet importanti biex il-pulizija Belġjana tieħu azzjoni u teħodha mill-ewwel, mhux qagħdu jistennew, kif wara kollox għandu jiġri kull meta jkun hemm akkużi jew xamma ta' korruzzjoni."

L-MEP mill-Partit Popolari Ewropew David Casa temm jesprimi tama li meta tkun waslet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew din il-kwistjoni tkun għaddiet ħalli dan l-eżerċizzju ma jsirx taħt is-sħaba ta' dan il-każ. 

More in Politika