11-il għaqda jinsistu li l-art agrikola għandha tiġi valutata b’mod li jissalvagwardja lill-bdiewa

Ħdax-il għaqda agrikola u ambjentali indirizzaw ittra lill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-emendi legali għall-Att 199, inkluż il-metodi għall-valutazzjoni agrikola

Ħdax-il għaqda agrikola u ambjentali qed jappellaw lill-Prim Ministru sabiex jassigura li se jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni dwar il-kirjiet agrikoli metodi xierqa ta’ valutazzjoni tal-art agrikola.

Ħdax-il għaqda agrikola u ambjentali indirizzaw ittra lill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-emendi legali għall-Att 199, inkluż il-metodi għall-valutazzjoni agrikola.

L-emenda għall-Att 199 saret sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tas-sidien tal-għelieqi, il-bdiewa u l-pubbliku ġenerali, u hija ffukata fuq kirjiet agrikoli.

Bħala gwardjani tal-ispazji ħodor u miftuħa f’Malta, il-bdiewa jeħtieġ li jingħataw is-salvagwardji kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jkomplu b’dan l-irwol tagħhom mingħajr biża’ ta’ żgumbrament.

Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu li l-emenda neħħiet ukoll l-uniċi linji gwida li fuqhom setgħet tiġi stabbilita valutazzjoni tal-art agrikola. Dan joħloq theddida lill-bdiewa li jiffaċċjaw żgumbrament u ma joffrix assigurazzjoni fix-xogħol kruċjali tagħhom.

L-organizzazzjonijiet qegħdin jinsistu li minħabba li kwalunkwe emendi diskussi fil-Parlament se jaffettwaw ħafna lill-bdiewa li qed jaffaċċjaw żgumbrament, hemm bżonn urġenti li jiġu inklużi l-linji gwida tal-valutazzjoni l-art agrikola, li jissalvagwardjaw lill-bdiewa. Din il-valutazzjoni m'għandhiex tkun soġġetta għall-ispekulazzjoni tas-suq, iżda għandhom jinużaw metodi ġusti li jiżguraw li l-kirjiet ikunu affordabbli għall-bdiewa.

L-organizzazzjonijiet qegħdin jiddikjaraw li kwalunkwe leġiżlazzjoni sussidjarja futura li għandha x'taqsam mal-valutazzjoni tal-art agrikola għandha ssir b’diskussjoni sħiħa mal-organizzazzjonijiet.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet iħossu li, filwaqt li l-White Paper dwar ir-Riforma Agrikola tinkludi prinċipji inkoraġġanti, kwalunkwe sistema ġdida introdotta mill-Att 199 li tappartjeni għall-valutazzjoni tal-art agrikola għandha tiġi riflessa fil-leġiżlazzjoni futura ppromulgata b’riżultat tal-proċess tal-White Paper.

L-organizzazzjonijiet jinsistu wkoll li l-għan ewlieni ta' din l-inizzjattiva u inizjattivi leġiżlattivi futuri hu li l-agrikoltura f’Malta tiġi protetta sabiex jiġu żgurati l-kwalità ta’ ħajja tajba għall-bdiewa u s-sigurtà tal-ikel f’Malta, f’dinja għaddejja minn taqlib ġeopolitiku u inċertezza fis-suq.

"Nittamaw li, bħala stakeholders ewlenin fis-settur agrikolu, aħna wkoll nistgħu nkunu aktar involuti fi proċessi konsultattivi dwar proċeduri futuri ta’ leġiżlazzjoni," temmet tgħid l-istqarrija.

L-ittra kienet iffirmata minn:

  • Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta  
  • Fondazzjoni Żgħażagħ fl-Agrikoltura Malta - MaYA 
  • Friends of the Earth Malta
  • Għaqda Bdiewa Attivi 
  • Għaqda Produtturi ta’ l-Għasel Malti 
  • Għaqda tal-Produtturi Vitimalta
  • Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa Ltd.
  • Moviment Graffitti 
  • Moviment Malti ta' Biedja Organika - MOAM
  • Netwerk Rurali Merill
  • The 'Grow 10 Trees' Project

More in Politika