'L-FIAU tagħlaq każ kontra l-Pilatus xahar wara li Hasheminejad ilmenta ma' Schembri' - Repubblika

Repubblika ppreżentat imejl quddiem l-ogħla Qorti li Ali Sadr Hasheminejad kien bagħat lill-eks Chief of Staff ta' Kastilja dwar l-investigazzjoni tal-FIAU

 

Quddiem l-ogħla Qorti, dalgħodu nstema’ kif l-FIAU, jiġifieri l-Aġenzija tal-Gvern li tinvestiga l-ħasil ta’ flus, għalqet każ kontra l-Bank Pilatus fl-2016, xahar biss wara li ċ-Chairperson tiegħu, Ali Sadr Hasheminejad, bagħat imejl jilmenta mal-eks Chief of Staff ta' Kastilja Keith Schembri.

Kien il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquiliana, li ppreżenta dokumenti li juru kif l-espert tal-Qorti, li kien appuntat biex jeżamina kontijiet tal-imejls tal-MFSA, bħala parti mill-inkjesta tal-Bank Pilatus, skopra kif fl-2016 kien hemm korrispondenza bejn iċ-Chairperson tal-Bank, Ali Sadr Hasheminejad u Keith Schembri.

F’dawn l-imejls, Hasheminejad allegatament ilmenta ma’ Schembri dwar l-investigazzjoni li kienet qed tagħmel l-FIAU u ddeskriva l-allegazzjonijiet bħala gidba.

"Pilatus Bank mill-bidu qal li ried jiftaħ fergħat barra minn Malta. Kien talab il-permess tal-MFSA biex jagħmel dan. Fis-26 ta' Mejju 2016, l-MFSA wieġbet lill-bank li ma tistax tagħti l-permess minħabba li l-FIAU kienet qed tinvestiga rapporti fuq il-midja," spjega Robert Aquilina.

Spjega kif Hasheminejad bagħat lil Schembri fuq l-imejl tiegħu tal-Gvern u fiha inkluda l-imejl li kienet mibgħuta lilu mill-MFSA.

Hasheminejad qal lil Schembri li mingħajr id-drittijiet sempliċi u bażiċi, huma mhux se jkunu meqjusa bħala bank Ewropew u se jkunu qed jitilfu l-kredibbilità. 

Aquilina insista li t-ton ta' Hasheminejad f'din l-imejl kien wieħed "arroganti."

Spjega kif xahar wara din l-imejl, l-FIAU "b'mod misterjuż" għalqet il-każ tagħha kontra l-Bank Pilatus u dan fl-istess żmien li fih Manfred Galdes irriżenja minn Direttur tal-istess Aġenzija.

Dan ħareġ waqt seduta twila li seħħet dalgħodu quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli.

Demicoli qed tisma’ l-Każ Kostituzzjonali, miftuħ mill-istess NGO Repubblika, għax ma jridux li l-Maġistrat Nadine Lia tisma’ l-każ li huma fetħu kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u n-nuqqas ta’ azzjoni li ttieħedet kontra uffiċjali tal-Bank Pilatus li huma msemmija f’inkjesta pubblika li swiet lill-pajjiż il-miljuni.

Nadina Lia tiġi minn Pawlu Lia, l-Avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. 

More in Politika