Emenda Tqala: Abela jgħid li se tagħti serħan il-moħħ u Grech jgħid li hija 'kapriċċ'

'Qatt ma konna u qatt mhu se nkunu Gvern li ma jiffaċċjax ir-realtajiet li jeżistu ġo pajjiżna,' jgħid Robert Abela. 'Ir-rigal tal-Milied ta’ Abela huwa li jdaħħal l-abort f’pajjiżna,' jgħid Bernard Grech

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech matul is-sessjoni tal-bieraħ tkellmu fid-dibattitu Parlamentari li jitratta l-emendi dwar it-tqala meta saħħet l-omm tkun ipperikolata, wara każ ieħor ta' mara tqila fil-pajjiż li ma ngħatatx l-assistenza mit-tobba anke jekk it-tqala tagħha setgħet żviluppat f'waħda li setgħet tipperikolala ħajjitha. 

'Emenda waħda li se tagħti serħan il-moħħ lin-nisa u anke lill-professjonisti' - Il-PM Robert Abela

Ilbieraħ fil-Parlament il-Prim Ministru Robert Abela appella għall-maturità fuq kwistjoni daqstant sensittiva, u fakkar diversi drabi illi din hija emenda waħda biss li "biha se nsalvaw is-saħħa tal-omm" li jkollha l-isfortuna li saħħitha titpoġġa fil-periklu, ta' dik l-omm illi minkejja dan il-periklu l-liġi tgħid li l-ħajja tagħha għandha tibqa' mdendla sakemm tkun waslet lejn il-mewt, qabel eventwalment isir intervent. "Qatt ma konna u qatt mhu se nkunu Gvern li ma jiffaċċjax ir-realtajiet li jeżistu ġo pajjiżna, jew nagħmlu bħal ħaddieħor u jagħmel ta' bir-ruħu li s-sitwazzjoni ma teżistix meta fil-fatt tkun teżisti."

"F'dan id-dibattitu qed niddiskutu emenda waħda biss biex nagħtu serħan il-moħħ lin-nisa u anke lill-professjonisti," reġa' fakkar il-Prim Ministru li appella lil min qed iqajjem ix-xettiċiżmu: "Poġġi ruħek fiż-żarbun ta' dak it-tabib li jrid jieħu d-deċiżjoni isalvax ħajjet l-omm jew le. Jew fiż-żarbun ta' dak it-tabib li jrid jiddeċiedi fuq ħajja tal-omm iżda li għandu fuq rasu snin ta' priġunerija effettiva. Jew inkella fl-assenza ta' reġim legali, ikollu jġebbed biex jiddeċiedi u xorta ipoġġi fir-riskju ħajjet l-omm." 

Abela saħaq li l-prinċipju ewlieni tal-Gvern huwa li f'ċirkostanza fejn ħajjet jew saħħet l-omm u t-tarbija jistgħu jgħixu flimkien għandu jkun assigurat li hekk isir. Huwa kompla jispjega li għal snin kienet prassi li ilha titwettaq li fejn saħħet l-omm tkun ipperikolata tkun itterminata t-tarbija- iżda li dan qatt ma kien iċċarat fil-liġi. Dan sakemm inqala' l-każ ta'   Andrea Prudente.

Fuq il-każ Robert Abela qal li kien hemm żewġ ħsibijiet: L-ewwel argument kien dak li l-ebda ħajja ta' omm ma għandha tkun ipperikolata, anke jekk min jaħseb hekk huwa kontra l-abort u fuq in-naħa l-oħra qal li kien hemm dawk li qagħdu siekta għal kollox, "l-istess nies li qed jagħmlu ħafna storbju illum. L-istess nies li sal-mument li kienet assigurata ħajjet l-omm, ma jmurx xi ħadd jipponta subgħa lejhom, ma qalu xejn... imbagħad xħin kienet Spanja, imbagħad kulħadd beda jippontifika." 

"Ma stajniex noqgħodu gallarija quddiem il-każ. Tlabna parir tal-Avukat tal-Istat li mhux talli ma ħalliex dubju, talli b'mod mill-aktar ċar qalilna li f'ċirkostanzi bhal dawn - minkejja kollox u minkejja kull intenzjoni tajba tat-tobba - hemm ksur ċar tal-liġijiet tal-abort f'pajjiżna meta t-tobba japplikaw id-double effect, jiġifieri li jipprijoritizzaw il-ħajja tal-omm fuq dik tat-tarbija jekk ħajjet l-omm tkun fil-periklu. 

Huwa ammetta li filwaqt li huwa vera li ħadd qatt ma mar il-ħabs sal-lum, "la qed naqblu fuq il-prinċipji li ħadd ma ghandu jmur il-Ħabs għaliex iż-żewġ nahat tal-Kamra mhumiex favur din l-emenda? Ghaliex l-Oppożizzjoni hija kontra?" staqsa l-Prim Ministru. 

Huwa qal li l-liġi għandha espressament tipproteġi l-ħajja tal-omm u sostna li huwa mhux se joqgħod fuq prassi medika imma jrid jagħti protezzjoni ċara lill-omm u lit-tobba. "Inutli nbeżżgħu b'dak li mhuwiex propost fl-emenda," sostna l-Prim Ministru, li saħaq illi rapporti li deheru fuq il-midja tal-PN u li d-Deputat Claudette Buttigieg iċċarat li kienu kummenti tal-Professur Kevin Aquilina  u li kienu jgħidu li l-abort se jiddaħħal ukoll f'każ ta' mara li jkollha stress jew problemi finanzjarji ma kinux minnhom. Anzi fakkar li f'każi bħal dawn l-abort se jibqa' legali u punibbli bil-liġi. 

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li d-Deputati tal-Gvern - ħafna minnhom ġenituri - ma jridux ikunu f'sitwazzjoni fejn tqala ma tkunx vijabbli, "iżda ħadd ma jrid li l-omm tispiċċa tipperikola ħajjitha... Ma nistghux ninjoraw din ir-realtà. Jien għal binti żgur ma rridx realtà bħal din. Irridu inpoġġu lilna nfusna fiż-żarbun tal-imġarrab, għalhekk jiddeċiedi t-tabib mhux il-politiku jew Bernard Grech" qal il-Prim Ministru. 

'Din hija emenda kapriċċuża li se tiddaħħal mingħajr il-mandat tal-poplu' - Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech beda d-diskors tiegħu billi qal li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu fuq diversi prinċipji fejn jidħlu t-tfal, minn għajnuna għall-koppji li ma jistgħux ikollhom it-tfal għal protezzjoni permezz ta’ liġijiet biex jiġu mħarsa l-benesseri u d-drittijiet tagħhom. Madankollu saħaq li bħalissa, minflok jikkompetu biex tiġi issalvagwardjata s-saħħa tal-omm, “illum aħna biss qed nitkellmu dwar il-ħarsien tal-ħajja tal-omm.” 

Huwa insista li t-tobba Maltin u Għawdxin dejjem ħarsu l-ħajja tal-omm b’kumplikazzjonijiet ta’ tqala u huwa proprju għalhekk li fl-aħħar 40 sena ma kien hemm ebda imwiet ikkawżati minn dan. Għaldaqstant jemmen li din l-emenda hija “kappriċċuża li se tiddaħħal mingħajr il-mandat tal-poplu.” 

Grech qal li Robert Abela “ma ġabx rigal tal-Milied li jħares il-ħajja u l-kwalità tal-poplu iżda minflok rigal ġeneruż se jagħti liġi li tiftaħ il-bieb beraħ għall-abort. Ir-rigal tal-Milied ta’ Abela huwa li jdaħħal l-abort f’pajjiżna.” 

Huwa irrimarka li l-Prim Ministru Abela insista u “għamel il-ġinnastika biex jipprova jiġġustifika ruħu li mhux vera se jdaħħal l-abort.” Għaldaqstant huwa appella biex, “jekk huwa minnu li ma jridx idaħħal l-abort, Abela għandu jilqa’ l-proposti li ressqu l-akkademiċi, it-tobba, l-għaqdiet u l-esperti.” 

Intant huwa għamel referenza għall-każ ta’ Andrea Prudente “li vjaġġat aktar minn 20 siegħa biex tiġi Malta, għall-baby moon. Din l-Amerikana,” ikompli jgħid Bernard Grech b’ton pjuttost sarkastiku, “ġiet pajjiżna, riedet tagħmel abort u minkejja li t-tobba u l-infermiera kienu prudenti u għamlu minn kollox biex jikkurawha, fetħet kawża. Madankollu xorta għamlitu l-abort, rikbet l-air ambulance u hemm spiċċa l-babymoon.” 

Grech qal li l-impressjoni li qed tagħti n-naħa l-oħra tal-Kamra, li l-Oppożizzjoni ma tridx li tiġi salvata l-ħajja tal-omm hija gidba. “Anke aħna rridu nsalvaw il-ħajja u dik hija l-verità li ħadd ma jista’ imeri.” 

Għalhekk qallu biex ma jwebbisx rasu u ma jibqax ikun partiġġjan. “Għandek iċ-ċans li flok ikollna poplu diviż ikollna poplu magħqud,” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. 

More in Politika