Il-Kunsill Federali Żvizzeru b'€3.5 miljun lil Malta għal proġetti ekonomiċi u soċjali

Dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw ukoll sabiex ikompli jiġi msaħħaħ is-settur tas-saħħa pubblika, partikolarment fejn jidħol mard tal-qalb

Il-Gvern Malti u l-Kunsill Federali tal-Isvizzera ffirmaw ftehim msejjaħ ‘Second Swiss Contribution’ waqt żjara uffiċjali li kellu l-President tal-Konfederazzjoni Svizzera Ignazio Cassis mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.

Wara s-suċċess tal-ewwel ftehim fl-2017, il-Ministru Ian Borg flimkien mal-President Ignazio Cassis, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, iffirmaw dan it-tieni ftehim b’kontribuzzjoni ta’ €3.5 miljun lejn pajjiżna. Dawn il-fondi għandhom l-għan sabiex inaqqsu d- disparitajiet ekonomiċi u soċjali f’pajjiżna.

Waqt il-laqgħa bilaterali mal-President Cassis, il-Ministru Ian Borg sostna li Malta tirrikonoxxi u tirringrazzja lill-Kunsill Federali tal-Isvizzera li għażel lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li qed jikkontribwixxi fondi lejh. Huwa sostna li dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw sabiex ikompli jiġi msaħħaħ is-settur tas-saħħa pubblika, partikolarment fejn jidħol mard tal-qalb. Dan is-settur huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar pilastri importanti ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li Malta tinsab kuntenta ħafna li bil-kontribuzzjoni Svizzera se nkomplu nsaħħu s-settur tas-saħħa f’Malta fejn fost oħrajn se jsir teatru ieħor fl-isptar Mater Dei fejn isiru l-operazzjonijiet tal-kardjoloġija. 

Il-President tal-Konfederazzjoni Svizzera Ignazio Cassis sostna li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu sħubija mill-qrib, li tmur lura fiż-żmien u li għandha potenzjal kbir. Qal ukoll li l-iffirmar tat-tieni kontribuzzjoni se javvanza rispons komprensiv għall-mard tal-qalb f’Malta.

 

More in Politika