Leonid McKay jinħatar minflok Dimech bħala Chairperson tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis

McKay ħadem għal tnax-il sena fi ħdan is-servizzi differenti ta’ Caritas Malta qabel ma nħatar Direttur fl-2014

Il-Gvern ħabbar li ħatar lil Leonid McKay bħala Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis.  

Dan wara li kmieni dalgħodu, Mariella Dimech ħabbret li tneħħiet mill-kariga tagħha għaxar xhur biss wara li twaqqfet l-istess Awtorità. Hija qalet li ma kellha l-ebda riżorsi u apparti minn hekk kienet qed taħdem bi strateġija politika li ma taqbilx magħha.

L-Awtorità twaqqfet bil-għan li tirregola s-settur inkluż bit-twaqqif ta’ assoċjazzjonijiet, kif ukoll għandha rwol edukattiv importanti. 

McKay għandu esperjenza ta’ tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi u ħadem għal snin twal fis-settur soċjali. McKay gradwa fis-Soċjoloġija u fil-politika soċjali f’livell ta’ Masters. Hu ħadem għal tnax-il sena fi ħdan is-servizzi differenti ta’ Caritas Malta qabel ma nħatar Direttur fl-2014. 

Fl-2018 huwa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fejn ħadem biex saħħaħ is-servizzi mogħtija, filwaqt li tnedew numru ta’ skemi ġodda u bdew jitħaddmu riformi li kienu ilhom mistennija snin u li provdew assistenza lil eluf ta’ persuni.

More in Politika