‘Ħdimt bla riżorsi u bi strateġija politika li ma qbiltx magħha;’ Titkeċċa minn chairperson tal-Awtorità dwar l-Użu tal-Kannabis

L-awtorità għandha l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis

Mariella Dimech tneħħiet minn chairperson tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, jiġifieri l-awtorità li fost oħrajn għandha l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.

Dimech inħatret bħala l-ewwel chairperson ta' din l-Awtorità inqas minn sena ilu, ftit wara li għaddiet il-liġi dwar il-kannabis rikreattiva.

Fi stqarrija hija qalet li ġiet infurmata lbieraħ b'din id-deċiżjoni mill-Ministeru għall-Intern. Insistiet li fl-aħħar 10 xhur ħadmet bla uffiċċju, baġit, staff u bi stateġija politika u deċiżjonijiet li ma qablitx magħhom.

Insistiet li hi nħatret mill-Prim Ministru stess minħabba l-esperjenza tagħha u appellat li min se jmexxi għandu jifhem li dan huwa suġġett sensittiv u l-interess ewlieni għandu jkun dak nazzjonali u mhux dak finanzjarju għall-ftit.

Aqra wkoll: Leonid McKay jinħatar minflok Dimech bħala Chairperson għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis

L-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis għandha diversi funzjonijiet importanti, fosthom li taġixxi ta’ regolatur għal kull assoċjazzjoni non-profit li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri tagħha, li jridu jkunu adulti.  

Minkejja li għaddiet sena minn fuq din il-liġi, dawn l-assoċjazzjonijiet għadhom ma nfetħux bil-persuni li jikkonsmaw il-kannabis, għadhom qed ikollhom jiksbuha b'mezzi illegali u mhux siguri, sakemm mhux qed jikkultivawha huma d-dar.

Aqra aktar: Għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta se jinfetħu l-assoċjazzjonijiet li jbiegħu l-kannabis b'mod sigur

L-awtorità għandha l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b’referenza għall-età u b’kontenut xieraq.

Dimech kellha tara li toħloq l-istrutturi kollha meħtieġa, inklużi dawk marbuta ma’ sistemi operazzjonali u regolamentazzjoni, sabiex l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tilqa’ l-ewwel talbiet għal reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet fi żmien qasir..

Apparti Dimech, l-ewwel Bord tal-Awtorità huwa magħmul ukoll minn Dr Janice Formosa Pace (Deputat Chairperson), Nadine Brincat, Sina Bugeja, Dr Marius Caruana, Dr Charles Cassar, Dr Gabriel Farrugia, Dr Paul Micallef u Charles Scerri.  

X'tgħid din il-liġi?

 Is-sena li għaddiet, Malta saret l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li uffiċjalment illegalizza l-użu tal-kannabis rikreattiva. Il-liġi tipprovdi li persuna tkun tista' żżomm sa seba' grammi kannabis u tkabbar sa erba' pjanti d-dar.

Tgħid ukoll li għandhom jinfetħu klabbs irregolati fejn il-kannabis tkun tista' tinbiegħ biss lill-persuni li jkunu rreġistrati u skont l-ammonti stabbiliti. Dan sar bil-għan li persuna tkun tista' tixtri l-kannabis b'mod sigur mingħand persuni lliċenzjati.

More in Politika