Il-MNPN jikkundanna 'n-nuqqas ta' azzjoni' tal-Ministru Bonnici fil-każ ta' fastidju sesswali fl-Orkestra

Il-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-messaġġ li għandu dejjem jingħata f’każijiet ta’ fastidji sesswali huwa ‘zero tolerance’

Il-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista qal li jiddeplora bis-saħħa kollha "n-nuqqas ta' azzjoni" min-naħa tal-Ministru Owen Bonnici fil-każ tal-fastidju sesswali fl-Orkestra Nazzjonali.

Fi stqarrija, il-Moviment qal li l-Ministru Owen Bonnici mhux biss baqa' lura milli jieħu azzjoni u ma rrapurtax il-fastidju sesswali lill-pulizija, imma ħalla ż-żmien jgħaddi biex persuni oħra setgħu ġew influwenzati biex jisktu quddiem dan l-abbuż.

"Il-messaġġ li għandu dejjem jingħata f’każijiet ta’ fastidji sesswali huwa ‘zero tolerance’ u dan jista’ jsir biss b’azzjoni immedjata u ġusta," kompliet l-istqarrija.

Fakkret ukoll li l-fastidju sesswali huwa reat u Kapitlu 456 jgħid ċar li t-terminu li min hu responsabbli għandu jressaq l-ilment huwa ta’ 10 ijiem.

"Il-vittmi ta’ fastidji sesswali jgħaddu minn trawma u effett negattiv fuq diversi aspetti tal-ħajja tagħhom, kemm psikoloġiċi iżda wkoll tax-xogħol u f’relazzjonijiet personali," kompla jgħid l-istess Moviment.   

Il-MNPN qal li jikkundanna wkoll l-attakk personali li l-istess Ministru qed jagħmel fuq il-Kelliema Julie Zahra u joffrilha l-appoġġ sħiħ tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali, Sigmund Mifsud, tressaq il-Qorti akkużat li ħeba evidenza wara li allegatament talab impjegati biex ma jitkellmu xejn dwar l-iskandlu ta' fastidju sesswali, fl-istess orkestra.

Ftit jiem qabel, uffiċjal għoli fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali ammetta fil-Qorti u ngħata sentenza sospiża, li kien ta' fastidju sesswali lil membru tal-istess orkestra fuq perjodu ta' tliet snin. 

Dalgħodu, grupp ta' għaqdiet tan-nisa wkoll ikundannaw in-nuqqas ta' azzjoni u passi li kien hemm f'dan il-każ u fakkru fl-effetti negattivi li fastidju sesswali jista' jkollu fuq il-persuna u anke l-karriera tagħha.

More in Politika