Bonnici jissospendi lil Sigmund Mifsud... Imma l-PN jitlob għar-riżenja tal-Ministru

Il-Gvern ħatar lil Chris Muscat biex jieħu post Mifsud...

Fid-dawl tal-fatt li l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali Sigmund Mifsud qed jinżamm taħt arrest u ġie akkużat bi vjolenza, kif ukoll li prova jwaqqaf persuna milli tixhed dwar każ ta' abbuż sesswali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li b'effett immedjat Mifsud ġie sospiż b'nofs paga. 

B’effett immedjat ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Pjazza Teatru Rjal Chris Muscat qed jiġi appuntat bħala Aġent Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali.  

Minkejja dan. fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna illi l-pożizzjoni tal-Ministru Bonnici ma għadhiex tenibbli u staqsa għaliex il-Ministru Owen Bonnici  baqa’ għal kollox sieket fuq dan il-każ,"u kien biss wara li l-każ ħareġ fil-media li qal li kien hemm investigazzjoni. Għaliex il-Ministru ċempel hu stess fi newsroom partikolari biex jipprova jikkontrolla l-istorja?" allegat id-Deputat Julie Zahra f'isem il-PN. 

 Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll kif jista’ Ministru tal-Gvern ma jiħux passi mmedjati u jagħmel pubbliċi akkużi ta’ fastidju sesswali li seħħew f’entitá li taqa’ direttament taħtu u jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex il-vittma tiġi ssalvagwardjata.

"Minflok il-ministru baqa’ ċass quddiem dan kollu bir-riżultat li l-vittma kellha tirriżenja mil-post tax-xogħol hi stess, għaliex ma felħitx aktar għal dan l-abbuż," temm jgħid il-PN. 

 

 

 

 

More in Politika