Ħondoq ir-Rummien salvat minn ħalq il-bini u l-qerda wara snin ta' battalji minn għaqdiet u l-Kunsill

Żvilupp massiċċ ta' 110 kmamar, 25 villa, 60 appartament marbuta mal-lukanda, 203 appartament ieħor u parkeġġ taħt l-art f'Ħondoq jiġi rrifjutat u din il-bajja pittoreska Għawdxija salvata darba għal dejjem...

It-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar ma laqax it-talba għal żvilupp fil-Bajja tal-Ħondoq f'Għawdex li kien se jfisser illi fuq il-post tinbena lukanda ta’ ħames stilel b’110 kmamar, 25 villa, 60 appartament marbuta mal-lukanda, 203 appartament ieħor u parkeġġ taħt l-art għal 1,249 karozza. Fin-nofs kellu jkun hemm pjazza li tinkludi knisja u anke ħwienet.

Għaqdiet ambjentali u l-Kunsill Lokali tal-Qala ilhom snin twal jiġġieldu kontra l-iżvilupp ta' din il-bajja, fid-dawl ukoll tal-ġlieda ta' għaqdiet u l-Kunsilli Lokali Għawdxin kollha, kontra l-iżvilupp bla rażan f'din il-gżira. Sondaġġ fuq il-gazzetta ILLUM juri kif 80% tal-Għawdxin bħalissa huma inkwetati ħafna fuq is-sitwazzjoni tal-bini u l-permessi. Fil-fatt l-istess sondaġġ juri li l-Għawdxin huma l-aktar imħassba dwar din is-sitwazzjoni mir-reġjuni kollha tal-pajjiż. 

Fl-applikazzjoni oriġinali kien hemm ukoll il-pjan li ssir yacht marina b’150 post għall-irmiġġ, madanakollu l-iżviluppatur kien neħħa dan il-pjan wara li ma ġewx milqugħa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

F’Ġunju tal-2016, il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien unanimament ivvota kontra dan l-iżvilupp ta’ 104,000 metru kwadru minn Gozo Prestige Hotels. Madanakollu, l-iżviluppaturi appellaw mid-deċiżjoni u qed jisħqu li huma ma ngħatawx id-dritt ta’ smigħ xieraq hekk kif kellhom 15-il ġurnata biss ċans biex jippreparaw u għalhekk ma setgħux itellgħu quddiem il-Bord l-esperti li ħadmu fuq l-istudji.

L-abbozz ta’ pjan lokali għal Għawdex li kien għall-konsultazzjoni pubblika fl-2002 ma jagħmel l-ebda referenza għal żvilupp fil-Ħondoq. Madanakollu, il-pjan lokali approvat fl-2006 jiffaċilità l-approvazzjoni ta’ proġett simili jekk il-binjiet ikunu baxxi u jikkumplimentaw il-madwar.

Iż-żewġ partiti politiċi huma kontra dan il-proġett, bil-Prim Ministru Robert Abela jgħid ċar fil-Parlament din il-ġimgħa stess fir-reazzjoni tiegħu għall-Baġit, li huwa kontra dan il-proġett.

Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona bidja fil-pjani lokali u l-Partit Laburista qal fil-manifest elettorali tiegħu li huwa kommess kontra dan il-proġett li kien kieku jfisser aktar bini u qerda ta' żona daqstant pittoreska. 

More in Politika