'Il-viżjoni tagħna hija tal-poplu u l-poplu mhux mixtri imma jiddeċiedi l-aħjar għal pajjiżu u familtu'

Il-PM Robert Abela jgħid li dan il-Gvern  se jibqa' jkun tarka għall-poplu u jibqa' jirrifjuta il-politika tal-awsterità li kien ħaddem l-aħħar Gvern Nazzjonalista

Il-PM Abela fil-Parlament illejla
Il-PM Abela fil-Parlament illejla

"Il-vizjoni tagħna hija l-viżjoni tal-poplu, permezz ta' manifest li ingħata l-approvazzjoni b'tant saħħa mill-poplu. Pjan mifrux fuq l-1,000 proposta u bdejna diġà naqilbu dawn il-proposti f'bidliet. Biex l-għażla tat-26 ta' Marzu li għadda tkompli ttejjeb il-ħajja tan-nies." Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela, meta kien qed jirreaġixxi għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni tal-bieraħ. Abela qal illi qalb dan il-Gvern hija man-nies. 

Huwa sostna illi hekk kif jinbidlu l-isfidi trid tinbidel l-azzjoni tal-Gvern. Filli bħala pajjiż konna ffaċċjati bil-pandemija, imbagħad il-gwerra u issa wkoll l-għoli tal-ħajja. "Pero' x-xemx ma telgħetx miegħi ghax il-Partit Laburista ilu snin jgħin lill-pensjonanti, il-klassi medja u aktar. Trasport għall-iskejjel b'xejn, childcare b'xejn li jiswa' mijiet u eluf, SEC u MATSEC b'xejn, il-mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern żidnihom u trasport pubbliku b'xejn ukoll." 

'Qed niffrankaw €2,000 fis-sena f'kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u negozji'

Abela fakkar li skont il-Eurostat il-familji Maltin qed iħallsu nofs dak li qed iħallsu familji ewropej f'kontijiet u inqas milli kienu jħallsu fl-2012. Huwa qal li fl-Estonja l-kontijiet żdiedu bi tliet darbiet meta mqabbel mal-2012 u l-prezz tal-fjuwil żdied bi 15% f'ħafna pajjiżi oħrajn, filwaqt li jgħid illi f'Malta qed inħallsu 15% inqas mill-2012. "Permezz tad-deċiżjonijiet li qed nieħdu qed niffrankaw €2,000 fis-sena f'kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u negozji. Hemmhekk qed imorru s-€600 miljun li staqsa dwarhom il-Kap tal-Oppożizzjoni, għand il-familji u n-negozji." 

Huwa qal illi kieku llum hawn Gvern Nazzjonalista, minflok dak Laburista, kien jagħmel eżatt bħalma kien għamel meta l-aħħar kien fil-Gvern u allura japplika l-awsterità. Huwa kien qed jirreferi għall-fatt li fl-2008/9 meta kien żdied il-prezz internazzjonali taż-żejt Gvern Nazzjonalista kien żied il-kontijiet. 

"Suppost qeghidn f'riċessjoni akuta u minflok fawwarna pajjiż bl-investiment," qal Abela li fakkar li l-Gvern sab ħafna kurrenti kontrih, iżda minflok baqa' miexi 'l quddiem. "Quddiem sfida li lanqas tibda ma tal-lum ħallew il-qgħad jiżdied bi 8,000, meta kellna r-rata tal-faqar li tiżdied b'5% - ara issa niżlet b'6%. Fi żmien ieħor l-għażliet kienu differenti għalhekk l-investiment naqas, kienu naqsu d-depożiti tal-familji," kompla jispjega l-Prim Ministru. Huwa fakkar li minkejja li dan għadu l-ewwel baġit il-Gvern diġà beda jwettaq mill-wegħdiet li saru fl-aħħar elezzjoni ġenerali. 

Magħna kulħadd jaf fejn qiegħed. Ara huma jemmnu li s-suq isuq u li l-Gvern mhux postu jidħol tarka għan-nies. Għadhom jemmnu li l-prudenza hija l-awsterità Il-PM Robert Abela

F'dan il-punt elenka numru ta' miżuri li ħabbar il-Gvern f'dan il-Baġit fosthom, iż-żieda qawwija ħafna tal-Carers Grant, minn €500 għal €4,500 fis-sena. Fakkar kif il-Gvern daħħal mekkaniżmu ġdid għal dawk li jifilħu l-inqas li hija apparti mill-miżura tal-COLA li jfakkar illi kienet sistema li daħħal Gvern Nazzjonalista fis-snin 90 u li jiddeskrivi bħala waħda mill-aqwa deċiżjonijiet ta' dik l-aministrazzjoni. Fakkar li l-ispiża tal-mekkaniżmu se jġorrha l-Gvern u se jfisser illi eluf ta' familji se jgawdu minn dan is-sostenn, mill-ġimgħat li ġejjin stess. 

'Elezzjoni ma hemmx imma ċ-ċekkijiet xorta ser issibuhom fil-posta'

Robert Abela kompla jfakkar li għall-ewwel darba ħaddiema tal-Gvern koperti bi ftehim kollettiv ukoll se jieħdu parti miż-żieda tal-COLA peress li din is-sena din kienet għolja ħafna (€9.90) u dak kopert fil-ftehim kollettiv mhuwiex biżżejjed, filwaqt li se jerġgħu jintbagħtu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni u qal li għalkemm elezzjoni ma hemmx, "iċ-ċekk ser issibuh fil-posta xorta," għat-tisbit ta' approvazzjoni mid-Deputati tal-Gvern. 

Huwa qal illi kieku Grech tela' fil-Gvern konna nspiċċaw f'sitwazzjoni fejn il-qtugħ tat-taxxa kienu jgawdu minnha dawk li jaqilgħu l-aktar, filwaqt li ċ-ċekkijiet ma kinux jintbagħtu hekk kif dan ma kienx wiegħed li se jkompli jibgħat dawn iċ-ċekkijiet li huma rifużjoni tat-taxxa. "Ara aħna lill-familji żidiet nagħtuhom. Għalhekk 41,000 familja se jgawdu minn żieda ta' €90 għal kull wild - l-ewwel żieda minn bosta f'din il-leġiżlatura. Hekk wegħdna u hekk qed nagħmlu." 

Abela fakkar ukoll fiż-żidiet fl-istipendju, kreditu ta' taxxa aktar għal dawk il-ġenituri li jibgħatu lil uliedhom għal attivitajiet extra kurrikulari, l-iskemi ta' qtugħ ta' taxxa għall-First u Second time buyers, l-estensjoni tal-iskema li permezz tagħha l-Gvern iħallas l-10% depożitu biex aktar nies isiru sidien ta' darhom u €10,000 lill-First Time Buyers - permezz ta' pagamenti ta' €1,000 fis-sena li jmorru għas-self għad-dar. 

"Magħna kulħadd jaf fejn qiegħed. Ara huma jemmnu li s-suq isuq u li l-Gvern mhux postu jidħol tarka għan-nies. Għadhom jemmnu li l-prudenza hija l-awsterità. Bl-istess fissazzjoni fuq id-dejn," qal il-Prim Ministru.

Biss, biss fl-aħħar ġimgħat kienet attirata fost l-akbar kumpanijia dinjija fl-E Sports. Mhux talli ma hawnx din l-industrija kif qed jgħid Bernard Grech, talli qed inġibu l-aqwa kumpaniji f'dawn is-setturi Il-PM Robert Abela

L-IMF qed tipprevedi li l-ekonomija Maltija tikber sitt darbiet iktar miż-żona ewro fl-2023

Huwa għamel referenza għal artiklu li kiteb il-kelliem tal-Finanzi għall-PN Jerome Caruana Cilia li akkuża lill-Gvern illi berbaq il-flus. "Aħna infaqna €300 miljun f'għajnuna għall-Covid-19 u €500 miljun għal stabilità fil-prezzijiet permezz ta' għajnuna lill-foritnuri tal-qmugħ u anke biex nagħmlu tajjeb għall-enerġija. Hemm infaqnihom il-flus! Ara intom kull ġimgħa kontu tbiddlu l-prezzijiet tal-fjuwils," sostna Abela. "Il-mijiet tal-miljuni li qed jiffrankaw in-nies ikomplu jinvestuhom u hekk tikber l-ekonomija  u mela l-issikkar taċ-ċinturin ġimgħa wara l-oħra u tant issukkajtuh li faqjtuh iċ-ċinturin u l-poplu takom ir-risposta f'Marzu 2013."

Huwa sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jgħid liema għajnuna li ta l-Gvern ma kienx jagħti hu kieku kien fil-Gvern u liema għotja jew għajnuna kien iqaċċat. "Il-poplu mhux mixtri imma jiddeċiedi għax irid lil pajjiżu u lil familtu tkun aħjar," qal il-Prim Ministru. 

Huwa qal illi dan is-sajf l-ażjendi reġgħu qabdu rittmu b'saħħtu filwaqt illi t-tkabbir kien ta' 8% fl-ewwel xhur tas-sena, minkejja li kien għad hemm miżuri u restrizzjonijiet. It-turiżmu, l-IT u l-komunikazzjoni kienu fost is-setturi li qed ikomplu jikbru, flimkien ukoll ma tkabbir fis-servizzi finanzjarji u remote-gaming. 

Dwar il-Lista l-Griża tal-FATF il-Prim Ministru fakkar li pajjiżna ħareġ fl-iqasar żmien li seta' joħroġ minnha għall-għajjat ta' "ma messniex dħalna" mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni. 

Huwa qal li mhux veru li saret ħsara perpetwa lil pajjiżna għax qal li l-livell ta' investiment fil-pajjiż bħalissa huwa bla preċedent, madwar €1.3 biljun f'investiment.

Fakkar li l-IMF rreveda t-tkabbir tal-ekonomija Maltija għal din is-sena biex dan huwa d-doppju tal-UE u għas-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija mistennija tikber - skont l-IMF -  b'sitt darbiet aktar minn dawk taż-żona ewro. 

'Mhux talli hawn is-settur tal-E Sports talli qed inġibu l-aqwa kumpaniji f'dawn is-settur lejn Malta'

Huwa tkellem ukoll dwar id-dokument ta qabel il-Baġit tal-Partit Nazzjonalista li qal illi qed jipproponi illi mill-1 ta' Jannar 2024 missirijiet jingħataw ħamest ijiem leave tal-paternità, meta l-Gvern f'Awwissu li għadda diġà ħabbar għaxart ijiem. Huwa qal ukoll li l-PN jgħid illi hu jara li d-dħul tal-Gvern għandu jiżdied bi tmien darbiet iżda ma jindikax kif għandu jżid id-dħul daqstant bil-qawwi.

Semma tkabbir u investiment fl-avjazzjoni u l-manutenzjoni fiha, investiment fis-settur tad-drones, kumpaniji fl-ekonomija l-blu b'kumpaniji li joħolqu Robotic Vessels fost oħrajn u anke investiment fl-E Sports u l-Game Development fejn fakkar li f'Malta hawn fost l-aqwa kumpaniji f'dawn l-oqsma. "Biss, biss fl-aħħar ġimgħat kienet attirata fost l-akbar kumpanijia dinjija fl-E Sports. Mhux talli ma hawnx din l-industrija kif qed jgħid Bernard Grech, talli qed inġibu l-aqwa kumpaniji f'dawn is-setturi," qal il-Prim MInistru, li kompla jispjega kif il-Gvern qed joħloq diversi impjiegi ġodda u ta' kwalità. Huwa elenka karrieri bħal Developers, Data Architects, Lab Technicians u impjiegi fl-Intelliġenza Artifiċjali - ħafna impjiegi li qed jimtlew minn persuni Maltin. 

Huwa stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex imur l-Expo fiż-żmien li ġej biex jara b'għajnejh stess kif diġà qed joperaw kumpaniji fl-E Sports u l-Gaming. 

More in Politika