Baġit 2023 | Inqas traffiku! Diskussjoni biex ċertu servizzi ma jingħatawx qabel id-9am

Il-Ministru jħabbar l-estensjoni ta' diversi skemi li jinċentivaw ix-xiri ta' karozzi li jniġġsu inqas

 

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana tkellem ukoll dwar il-konġestjoni tat-traffiku u ddeskriva din bħala waħda mill-isfidi ewlenin li għandu quddiemu l-pajjiż. 

Apparti l-ftuħ ta' aktar toroq, il-Ministru qal li għaddejja diskussjoni wiesgħa mal-istakeholders biex numru ta’ servizzi fit-toroq ma jingħatawx qabel id-9:00 ta’ filgħodu.

"Fir-rush hour, il-vetturi ta’ dawn is-servizzi m’għandhomx ikunu fit-toroq tagħna," qal il-Ministru.

Skemi għal xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku

Il-Ministru ħabbar ukoll li l-għotja finanzjarja biex aktar persuni jitħajru jixtru vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku se tiġġedded u kull min jixtri vettura ġdida, inkluż muturi, li jaħdmu bl-elettriku se jkun intitolat għall-għotja ta’ €11,000, li titla’ sa €12,000 f’każ li tiġi użata l-iskema tal-iskrappjar tal-vetturi wkoll.

L-istess jgħodd għall-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ mopeds, pedelecs u roti assistiti b’mutur tal-elettriku.

Il-grants fuq l-plug-in hybrid kienu eżawriti f’Mejju li għadda, iżda kull min ordna vettura plug-in sal-aħħar ta’ Mejju u l-vettura għadha ma waslitx Malta iżda ser tasal is-sena d-dieħla fl-2023 xorta għandu l-għotja garantita u se jieħu għotja ta’ €11,000

L-ispiża totali fuq dawn l-għotjiet ser tkun ta’ €20 miljun.

Il-Ministru ħabbar ukoll dawn il-miżuri:

  • L-għotja finanzjarja tal-iskema ta’ skrappjar ta’ vetturi li jħammġu ser tibqa’ dik ta’ €2,000.
  • L-għotja li tinċentiva x-xiri ta’ muturi żgħar li jaħdmu bil-petrol ser tiġi estiża filwaqt li l-għotja għal min jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass minflok bil-petrol ser terġa’ tiġi estiża wkoll
  • Vetturi elettriċi u dawk plug-in hybrid serjibqgħu eżentati mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni u eżenti mill-ħlas tal-liċenzja annwali tat-triq għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni.
  • Estiża l-iskema fejn vetturi bħal minibuses, coaches u trakkijiet li fuqhom jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi jingħataw għotja sa massimu ta’ €900 u skema fejn operaturi ta’ minibuses u coaches kif ukoll trakkijiet jinstallaw filtru tal-partikuli tad-diżil (DPF) u ta’ sistemi ta’ tnaqqis katalitiku selettiv (SCR).

Apparti dan kollu, il-Ministru qal li għaddej ix-xogħol biex il-pajjiż ikollu 1,200 punt ieħor tal-iċċarġjar sal-2024 mat-340 li diġà hemm.

Fl-istess waqt, il-Gvern se jkompli jinkoraġġixxi kumpaniji privati u negozji biex jaqilbu l-flotta tagħhom għal waħda elettrika billi jibbenefikaw minn self bla interessi biex jikkumplimentaw l-investiment li jagħmlu f’vetturi elettriċi u charging stations.

More in Politika