675 idea. Aktar minn 1,800 student u 348 skola. L-istudenti jgħidu tagħhom dwar l-ambjent

Studenti diversi minn Ekoskola jippreżentaw numru ta' proposti waqt il-konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050

It-tfal jipparteċipaw u jagħtu l-ideat tagħhom
It-tfal jipparteċipaw u jagħtu l-ideat tagħhom

Studenti ta’ Ekoskola minn għadd ta’ skejjel iltaqgħu mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u ma’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex jgħaddulhom il-proposti tagħhom dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050, li bħalissa tinsab miftuħa għall-konsultazzjoni.

L-ERA kkollaborat ma’ Ekoskola, li hija kkordinata minn Nature Trust – FEE Malta, sabiex tiżgura li t-tim ta’ esperti li qed ifassal dan id-dokument kruċjali jagħti widen lill-fehma tat-tfal, il-ġenerazzjoni tal-futur, ħalli t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tagħhom jiddaħħlu f’din l-istrateġija wkoll.

Waqt il-laqgħa fl-uffiċċji tal-ERA, l-istudenti ppreżentaw għażla ta’ proposti minn fost 675 idea li huma, flimkien ma’ studenti oħrajn li jieħdu sehem f’Ekoskola, ippreżentaw lill-awtoritajiet matul is-snin. Ir-rakkomandazzjonijiet saru minn 1,862 student minn 348 skola waqt 16-il sessjoni tas-Summit taż-Żgħar, li Ekoskola ilha torganizza mill-2009.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lil Ekoskola għall-kontribut tagħha fl-iżvilupp ta’ din l-istrateġija, li se tiggwida l-politika u l-azzjonijiet ta’ Malta għat-30 sena li ġejjin. “Intom li llum qed tippreżentaw dawn il-fehmiet bħala tfal, ftit snin oħra ser tkunu adulti f’mixjiet differenti tal-ħajja. Ser tkunu qed tmexxu, twettqu u tgħixu l-inizjattivi u l-benefiċċji ta’ din l-istrateġija. F’din il-perspettiva li tħares lejn il-ġejjieni, is-sehem tagħkom huwa importanti ħafna għalina. Il-proposti tagħkom jagħtuna ħafna fuqhiex naħsbu. Proposti ambizzjużi, iżda mhux impossibbli. Aħna impenjati li ninkluduhom f’din l-istrateġija, ħalli fis-snin li ġejjin, inwettquhom flimkien.”

Hija ħeġġet lil Ekoskola u lill-ERA sabiex din il-laqgħa ssir appuntament annwali, u stiednet lit-tfal jerġgħu jiltaqgħu is-sena d-dieħla, sabiex jevalwaw il-proposti u jaraw fhiex wasal it-twettiq tagħhom, filwaqt li jiddiskutu ideat ġodda.

'Il-kwalità tal-ħajja f'Malta tkun aħjar jekk il-fehmiet tat-tfal ikunu apprezzati'  - Nature Trust

Sa minn meta twaqqfet fl-2009, Ekoskola minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tipprovdi opportunitajiet sabiex iż-żgħar iwasslu t-tħassib tagħhom dwar is-sostenibbiltà f’pajjiżna. L-istudenti ta’ Ekoskola minn dejjem kienu jinsistu fuq dawk fit-tmexxija sabiex jieħdu azzjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja billi jseddqu l-ambjent tal-gżejjer Maltin. Nature Trust, li tmexxi dan il-programm, qalet li hija konvinta li l-kwalità tal-ħajja f’Malta "tkun aħjar jekk il-fehmiet tat-tfal ikunu apprezzati minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar pajjiżna”, spjegat din l-għaqda ambjentali.

Meta l-konsultazzjoni għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent tħabbret fis-sajf li għadda, l-għaqda fasslet verżjoni għat-tfal tat-taqsira ta’ dan id-dokument u qassmitu mal-istudenti ta’ Ekoskola, sabiex tiġbor ir-reazzjonijiet tagħhom.

Il-Ministru Dalli titkellem mal-istudenti ta' Ekoskola
Il-Ministru Dalli titkellem mal-istudenti ta' Ekoskola

Il-konsultazzjoni dwar il-konsultazzjoni pubblika estiża

L-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050 hija mnebbħa mill-viżjoni “Wellbeing First Vision for Malta’s Environment 2050”, li ġiet adotatta fl-2020. L-istrateġija tfasslet mill-ERA wara konsultazzjoni estensiva ma’ aktar minn 60 entità jew gruppi konċernati, fosthom dawk fit-tmexxija, akkademiċi, il-komunità kummerċjali u għaqdiet tal-volontarjat.

Fuq talba tal-pubbliku, il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent se tkun estiża sa nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Novembru 2022. Sabiex taqra din l-istrateġija u tagħti l-fehmiet tiegħek, żur era.org.mt/nse2050.

More in Politika