Il-PM iħabbar li se jibda x-xogħol fuq kampus ġdid tal-ITS 'state of the art' fi Smart City

Il-Prim Ministru qal dan lill-membri tal-MHRA waqt laqgħa ta' qabel il-Baġit f'Kastilja

Waqt laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA), il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-iskavar biex eventwalment jibda l-bini ta' kampus ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi fi Smart City.

Dan wara li fis-sajf li għadda ntlaħaq ftehim biex fi Smart City ikun hemm sit apposta għall-ITS u b’hekk jitwettaq proġett kapitali ieħor.

Waqt il-laqgħa, Abela rrimarka li fl-aħħar xhur, is-settur turistiku beda jirpilja mid-daqqiet tal-pandemija. Hawn semma kif se tibqa’ għaddejja ħidma biex jiżdiedu t-titjiriet lejn pajjiżna u sostna wkoll fuq il-ħtieġa ta’ linja nazzjonali tal-ajru viabbli.

Qal li huwa sodisfatt li din is-sena se jkunu żaru Malta aktar minn żewġ miljun turist.

Kien hawn li tkellem dwar il-prodott turistiku u aċċenna li l-Gvern huwa determinat li jibqa’ jinvesti fil-kwalità għas-settur turistiku.

“Wara pandemija u waqt gwerra fl-Ewropa, l-ażjendi f’pajjiżna jibqgħu jitkellmu magħna dwar il-ħtieġa ta’ iktar ħaddiema. Dan il-fatt jixhed it-tkabbir f’pajjiżna li ma waqafx jikber u se jibqa’ jikber,” sostna il-Prim Ministru fil-laqgħa mal-MHRA.

Kien għalhekk li insista li hemm bżonn aktar taħriġ għall-ħaddiema f’dan is-settur.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra ngħaqad mal-Prim Ministru dwar l-importanza tat-taħriġ u titjib fil-prodott turistiku Malti.

Saħaq li l-konnettività hija importanti għal gżira li tattira lit-turisti u faħħar is-sussidju tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija għen ukoll lill-operaturi turistiċi.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Clint Camilleri u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Carmelo Abela u Cressida Galea.

More in Politika