Il-PN jikkritika d-deċiżjoni tal-Gvern li jgħolli l-Landfill tal-Għallis bi 15-il metru

Jinsisti li din hija prova oħra li l-pajjiż mhux jilħaq miri importanti ambjentali 

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab iddiżapuntat li miri importanti li l-pajjiż kellu jilħaq fejn jidħol l-ambjent ma ntlaħqux u dan hekk kif kif l-Awtorità tal-Ippjanar approvat żieda ta’ għoli sostanzjali fil-miżbla tal-Għallis biex tkun’ tista’ tkompli topera għal tliet snin oħra.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Janice Chetcuti qalet li minflok jirsisti biex Malta tkun aktar effiċjenti u effettiva fil-mod kif l-iskart jista’ jibda jiġi sfruttat b’ mod aktar nadif u b’anqas danni, il-Gvern kellu jmur għal din id-deċiżjoni għax soluzzjoni għadha ma nstabitx

Aqra aktar: Il-Landfill se togħla bi 15-il metru... 'biex tkun evitata kriżi ta' skart'

Qalet li ll-Partit Nazzjonalista poġġa l-Ambjent, il-ħarsien tiegħu u l-benesseri fuq quddiem nett anke fil-Programm Elettorali tiegħu u qed jagħtih importanza assoluta.

“Kien għalhekk li żewġ proposti importanti, fost lista twila, li jirrigwardjaw dan is-settur kienu proprju li tiżdied l-importanza li għandha tingħata lil NGOs Ambjentali u li dawn għandu jkollhom preżenza li tinħass aktar fil-bordijiet meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ dan it-tip. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid li, ta’ kull sena, jikkometti ruħu li jżid 50,000 metru kwadru mal-art ODZ li diġà teżisti u tingħata prijorità assoluta fejn tidħol żieda konsistenti fl-afforestazzjoni ta’ pajjiżna,” fakkret Chetcuti.

Qalet ukoll li l-pajjiż għadu ferm ‘il bogħod milli jilħaq il-miri mixtieqa fejn jidħol l-iskart u l-immaniġġjar tiegħu, li idealment jinżel minn 90% kif inhu bħalissa għal 10% kif mitlub minna bħala pajjiż.

Għalhekk qalet li hemm bżonn ta’ aktar riċiklaġġ tal-iskart, li fl-aħħar snin minn 11% tela’ biss għal 15%.

“Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat għal politika ġdida b’importanza ewlenija fuq l-Ambjent kollu li jdawwarna, b’arja aktar nadifa, ilma ta’ kwalità aħjar, ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa u afforestazzjoni li tħaddar is-sena kollha għax dan kollu jwassal biex il-Maltin u Għawdxin kollha ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar, bil-benessere tagħna jkun prijorità uniku f’ħajjitna,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika