Uffiċjali tal-IĠM se jirtiraw mill-Kumitat tal-Esperti jekk il-Gvern ma jikkonsultax dwar il-liġi għall-protezzjoni tal-midja

Matthew Xuereb u Kurt Sansone talbu lill-Gvern jirtira l-abbozzi li ppreżenta u jiftaħ konsultazzjoni pubblika serja. Jinsistu li l-proposti tal-gvern ma joffrux l-aqwa protezzjoni possibbli lill-ġurnalisti u jfallu milli joħolqu l-ambjent neċessarju għall-ħidma ġurnalistika aħjar

Il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Malin qalu li lesti jirriżenjaw mill-Kumitat tal-Esperti tal-Midja jekk il-Gvern ma jirtirax l-abbozzi ta’ liġi għall-protezzjoni tal-midja li ressaq u jiftaħ konsultazzjoni pubblika serja dwar is-suġġett.

 F’ittra, indirizzata mill-Prim Ministru Matthew Xuereb u Kurt Sansone qalu li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin huwa ddiżappuntat bil-liġi mressqa mill-Gvern wara li l-Kumitat temm xogħlu fuq l-ewwel parti tal-ħidma tiegħu. 

“Ninnutaw b’dispjaċir li l-aktar rakkomandazzjonijiet importanti li għamel il-Kumitat kienu injorati jew imdgħajfin b’mod qawwi fl-abbozzi li ressaq il-gvern. Fost dawn kien hemm ir- rikonoxximent kostituzzjonali tal-midja u l-ġurnaliżmu bħala r-Raba’ Pilastru tad-demokrazija, u l-liġijiet kontra l-iSLAPP,” qalet l-IĠM.

B’referenza għall-kummenti tal-Prim Ministru stess u anke tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, iż-żewġ ġurnalisti veterani saħqu li mhuwiex minnu li kien hemm konsultazzjoni wiesa’ dwar dan is-suġġett.

“Il-Kumitat ma kellux konsultazzjoni attiva, ħlief għal opinjoni legali ta’ espert legali. Il-Kumitat ta każ ukoll tas-suġġerimenti li rċieva minn terzi iżda ħadd ieħor ma kien ikkonsultat, anki minħabba t- terminu ta’ żmien li ngħata biex itemm ix-xogħol fuq l-ewwel parti tal-ħidma tiegħu,” tkomplu l-ittra.

Spjegaw kif kien hemm konsultazzjoni mal-membri tal-IĠM u anke nies oħra involuti fis-settur tal-midja. Insistew li hemm qbil li l-bidliet proposti mhumiex kuraġġużi biżżejjed u huma ferm ’il bogħod minn dak li immaġinaw li seta’ jsir għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal- espressjoni, ħames snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Fakkru li kien hemm ukoll kritika qawwija dwar ir-rapport tal-Kumitat stess, partikolarment fejn tidħol il-leġiżlazzjoni anti- SLAPP, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

“Il-kollegi tagħna fil-midja jemmnu li l-proposti tal-gvern ma joffrux l-aqwa protezzjoni possibbli lill-ġurnalisti u jfallu milli joħolqu l-ambjent neċessarju għall-ħidma ġurnalistika aħjar,” tkompli l-ittra.

Qalu li l-gvern għandu mandat elettorali ċar li jirrikonoxxi l-midja bħala r-Raba’ Pilastru tad- demokrazija u qalu li dan il-mandat għandu jitwettaq bl-aħjar mod possibbli, b’leġiżlazzjoni b’saħħitha li tkun aċċettabbli għall-istess settur li trid tipproteġi. 

“Wara diskussjoni mal-membri tagħna, akkademiċi u persuni oħra involuti fil-midja, qed nitolbu li l-abbozzi jkunu irtirati, mibdula f’White Paper u formalment miftuħa għall-konsultazzjoni mill-aktar wiesa’ b’skadenzi ċari. Nemmnu li l-konsultazzjoni tista’ twassal għal liġijiet aħjar, li jipprovdu l-aħjar qafas għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u joħolqu l-ambjent tajjeb biex il- libertà tal-espressjoni tkompli tissaħħaħ.”

Kien hawn li qalu li jekk il-Gvern jonqos milli jiftaħ konsultazzjoni bis-serjetà, se jkunu qed jirtiraw  il-parteċipazzjonitagħhom mill-Kumitat tal-Esperti għax “ma nistgħux inkomplu nagħtu appoġġ għal leġiżlazzjoni li hi dgħajfa u ma tilħaqx l-aħjar riżultat possibbli.”

“Se nkunu qed insejħu laqgħa oħra tal-kunsill tal-IĠM nhar il-Ħamis 13 t’Ottubru biex niddeċiedu t-triq ’il quddiem. Napprezzaw jekk ikollna tweġiba mingħandek sa dakinhar,” temmet tgħid l-ittra.

Aqra wkoll:

More in Politika