Servizz ġdid ta’ eżerċizzju għall-anzjani bil-kundizzjoni tal-artrite li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Permezz ta’ dan is-servizz, anzjani eliġibbli se jkunu jistgħu jibbenefikaw u jipparteċipaw fi klassijiet ta’ eżerċizzji mqassmin fuq 20 sessjoni tul 10 ġimgħat sħaħ

Fl-Isptar San Vinċenz, tnieda servizz ieħor li se jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li joħloq aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku fost l-anzjani.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mat-tmexxija tal-Isptar San Vinċenz hekk kif ġie spjegat li s-servizz ġdid bl-isem ‘Disease Managment Programme’ ser jingħaqad ma’ numru kbir ta’ servizzi oħrajn li joffri l-isptar, fosthom dak ta’ fiżjoterapija għal anzjani li għandhom sittin sena jew aktar. Dan sabiex anke jikkumplimenta l-investiment kontinwu li qed isir fl-istess sptar u li fost l-oħrajn ra l-ftuħ ta’ dipartiment ġdid li jinsab fil-kumpless Rużar Briffa, fejn hemm jiġu indirizzati l-bżonnijiet differenti tal-anzjani.

Hekk kif fil-ġranet li għaddew ġie ċċelebrat il-Jum Dinji għall-Fiżjoterapija, it-tema li ntgħażlet għal din is-sena kienet proprju dik tal-kundizzjoni tal-artrite, kundizzjoni komuni ħafna fost il-popolazzjoni anzjana, mhux f’pajjiżna biss iżda wkoll madwar id-dinja.

Fid-dawl ta’ dan, tnieda l-programm ‘Disease Management,’ li huwa mmirat għal persuni li għandhom sittin sena jew aktar, li jgħixu fil-komunità u li għandhom l-artrite fil-ġenb u fl-irkoppa, dak magħruf aħjar bħala l-hip and knee arthritis.

Permezz ta’ dan is-servizz, anzjani eliġibbli se jkunu jistgħu jibbenefikaw u jipparteċipaw fi klassijiet ta’ eżerċizzji mqassmin fuq 20 sessjoni tul 10 ġimgħat sħaħ. Sessjoni kull ġimgħa tkun iddedikata wkoll għal terapija fil-pixxina terapewtika state-of-the-art, fil-blokok il-ġodda tal-Isptar San Vinċenz, flimkien ma’ sessjoni oħra fil-gym.

Dan is-servizz jinkludi wkoll l-għoti ta’ programm ta’ eżerċizzji li jistgħu jsiru fil-kumdità tad-dar li fiha jgħixu l-anzjani. Ta’ min jgħid ukoll li mhux kull programm li jingħata huwa l-istess hekk kif se jkun speċjalizzat għall-ħiliet u għall-bżonnijiet tal-anzjani fuq bażi individwali. Biex l-anzjani jipparteċipaw f’dan il-programm ġdid, se jintalab biljett ta’ referenza mingħand tabib għall-fiżjoterapija fl-Isptar San Vinċenz.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 22912574 jew jibghat email fuq [email protected].

More in Politika