Kważi nofs in-negozji Maltin jemmnu li negozjanti jiffinanzjaw lill-PN jew PL għall-pjaċiri

Kemm tkellimna fuq l-iffinanzjar tal-partiti? Ħafna. Minkejja dan sondaġġ tal-Ewrobarometru juri kif 45% tal-Maltin għadhom jemmnu li negozjanti jagħtu flus lill-partiti sabiex imbagħad jingħataw preferenza fl-għoti ta’ xogħol u tenders, f’kelma oħra korruzzjoni...  

Sondaġġ tal-Ewrobarometru, dwar l-attitudni ta’ negozji lejn il-korruzzjoni, jindika li l-Maltin għadhom jemmnu li sidien ta’ negozji jwettqu diversi prattiċi korrotti, biex javvanzaw in-negozju tagħhom. Fil-fatt, skont il-Maltin, waħda mill-aktar prattiċi korrotti popolari f’pajjiżna hi li n-negozji jiffinanzjaw lill-partiti politiċi bil-għan li jingħataw kuntratti pubbliċi jew influwenza fit-tfassil tad-deċiżjonijiet. Jemmnu wkoll li huma l-ftit, li jiġu kkastigati jew penalizzati meta jinqabdu bil-korruzzjoni.  

Fil-fatt il-kwistjoni tal-iffinanzjar tal-partiti hija waħda li qamet diversi drabi fl-aħħar snin b’akkużi ta’ qrubija żejda bejn negozjanti u politiċi, bħal fil-każ ta’ Yorgen Fenech u pagi ta’ uffiċjali tal-PN imħallsin mill-grupp Db. Sussegwentement il-Gvern preżenti kien fassal liġi tal-iffinanzjar tal-partiti, li fost oħrajn timponi limitu ta’ kemm persuna jew entità tista’ tagħti partit. Minkejja dan id-dubji jibqgħu hekk kif ħafna jaħsbu li hemm min qed idur mas-sistema biex xorta jibqa’ jiffinanzja għall-pjaċiri.  

In-negozji Maltin huma s-sitt l-aktar fl-Ewropa li jaħsbu li hemm korruzzjoni fl-iffinanzjar tal-partiti 

Meta mistoqsija liema prattiċi korrotti huma l-aktar popolari f’Malta bla ebda tlaqliq il-Maltin għażlu l-iffinanzjar tal-partiti politiċi u t-tixħim, b’rati kemmxejn ogħla mill-medja Ewropea. Fil-fatt fil-każ tat-tixħim, il-medja kienet 20% u din Malta qabżitha b’10%, li jammonta għal 30% tal-Maltin li jaħsbu li t-tixħim huwa prattika popolari fil-pajjiż. Min-naħa l-oħra, kienu 38% tal-ewropej li jaħsbu li hemm il-korruzzjoni fl-iffinanzjar tal-partiti, rata li titla għal 45% fil-każ tal-Maltin. Dan jagħmilna s-sitt l-aktar pajjiż li jemmen li negozji jagħtu l-flus lil partiti u jistennew xi ħaġa lura.  

Il-pajjiż bl-ogħla persentaġġ ta’ negozjanti li jemmnu li hemm korruzzjoni fl-iffinanzjar tal-partiti politiċi kien Ċipru, b’52%, li fir-rigward ta’ korruzzjoni, kważi dejjem kienu minn ta’ quddiem fis-sondaġġ tal-Ewrobametru. Dan kien segwit mir-Repubblika Ċeka b’50%, warajha l-Islovakkja b’49% u fl-aħħar il-Greċja u Spanja b’47% kull wieħed.  

F’dan l-eżerċizzju li sar, bil-għan li jiġi identifikat l-aktar metodu ta’ korruzzjoni popolari fil-pajjiżi ewropej, dan is-sondaġġ staqsa lill-parteċipanti fuq tipi differenti ta’ korruzzjoni. Fil-fatt, apparti t-tnejn li għamilna referenza għalihom qabel, fil-ħames għażliet l-oħra Malta kienet taħt il-medja Ewropea. Dawn il-prattiċi korrotti kienu; Ħbieb u qraba li jingħataw preferenza fin-negozji jew f’istituzzjonijiet, li jingħataw rigali jew safra b’xejn bil-patt u l-kundizzjoni li jingħata servizz lura, frodi permezz ta’ taxxa jew li ma jitħallasx il-VAT u kickbacks.  

Ħbieb u qraba li jingħataw preferenza fin-negozji kienet waħda mill-aktar għażliet popolari fl-istati membri u għalhekk il-medja kienet ta’ 48%. B’kuntrast għal dan, kienu wieħed minn kull tlieta (33%) biss jemmnu li din issir f’Malta. Dan jagħmilna t-tielet l-inqas pajjiż illi jaħseb li din il-prattika hija komuni.  

L-aktar negozjanti li jemmnu li f’pajjiżhom negozji jiffavorixxu l-ħbieb u l-qraba kienu l-Portugal b’58%, Franza b’57% u l-Awstrija b’55%.  

Ftit inqas minn kwart tal-parteċipanti (21%) jemmnu li f’pajjiżna hemm negozji li jiffrodaw it-taxxa jew ma jħallsux il-VAT. Malta kienet ir-raba’ l-inqas mill-istati membri li jemmnu li dan isir fil-pajjiż, wara l-Polonja, bi 15%, Franza u l-Portugal bi 17% kull wieħed u l-Lussemburgu b’19%.   

Il-korruzzjoni, kemm hi problema għan-negozjanti Ewropej?  

Għan-negozjanti Ewropej, bla dubju, l-korruzzjoni hija waħda kemmxejn serja, tant li uħud taffetwahom sew u dan ġie ikkonfermat għal darb’oħra mill-Ewrobarometru.  

34% tan-negozji Ewropej jaqblu li l-korruzzjoni, b’mod ġenerali, hija problema “verament serja” jew “kemmxejn serja” f’pajjiżhom. 

Intant kienu 34% ukoll tan-negozji li qablu li n-nepotiżmu u l-klijenteliżmu huma problemi serji ħafna għan-negozjanti Ewropej. U Malta fejn tinsab?  

Filwaqt li l-medja Ewropea tindika li 20% jaħsbu li l-korruzzjoni hija problema verament serja, Malta taqbeż din il-medja b’10% li jagħmilna s-seba’ l-aktar nazzjonalità li taħseb li l-korruzzjoni hi problema (30%). 28% jaħsbu li l-korruzzjoni hija problema pjuttost serja u min-naħa l-oħra 38% jemmnu li jew mhix problema serja jew li mhi problema xejn.  

Fil-quċċata ta’ din il-lista, 78% tan-negozjanti Ċiprijotti jħossu li l-korruzzjoni hija problema għalihom, b’46% minnhom li jemmnu li hi problema kbira. Min-naħa l-oħra 21% biss jemmnu li l-korruzzjoni għalihom mhix daqstant problema.  

Iċ-Ċiprijotti huma segwiti mill-ġirien, il-Greċja, fejn 76% jemmnu li l-korruzjoni hi problema għan-negozji tagħhom, b’50% minnhom li jemmnu li din hija problema serja ħafna. Simili għaċ-Ċiprijotti, 25% biss tal-Griegi jemmnu li l-korruzzjoni mhix daqstant problematika għalihom. 

Fit-tielet post fuq din il-lista hemm ir-Rumanija, li bħala ċifri tinsab qrib ħafna tal-ewwel tnejn, b’70% li jemmnu li hemm problema filwaqt li kwart tal-parteċipanti tas-sondaġġ li ma tikkawżalhomx problemi.  

Il-folja tinqaleb kompletament fl-Estonja, l-Irlanda u d-Danimarka.  

Fl-Estonja huma 9% biss tan-negozji li jemmnu li taffetwahom il-problema ta’ korruzzjoni. Filwaqt li 88% tan-negozjanti ma jemmnux li hemm problema. 

Simili għal dan, 7% tal-Irlandiżi biss jemmnu li hemm problema ta’ korruzzjoni, iżda imbagħad 91% jemmnu li din mhix problema.  

U finalment l-inqas pajjiż li fih in-negozjanti jindikaw problema ta’ korruzzjoni hija d-Danimarka, fejn bħal-Irlanda, 7% jemmnu li hemm problema, 92% jemmnu li ma għandhomx problema ta’ korruzzjoni, li minnhom 80% jemmnu li din żgur mhix problematika għan-negozjanti tal-pajjiż.     

Il-problemi ta’ korruzzjoni għan-negozjanti Maltin naqsu b’2%  

Tajjeb li nirrimarkaw li minkejja li Malta kważi tinsab minn ta’ quddiem fuq problemi li jiffaċjaw in-negozjanti Maltin, kawża ta’ korruzzjoni, fi żmien tliet snin naqsu b’2% dawk li jemmnu li l-korruzzjoni hija problema. Jiġifieri minkejja li issa 58% tan-negozjanti Maltin jemmnu li jiltaqgħu ma’ problemi relattivament serji ta’ korruzzjoni, fl-2019 dan il-persentaġġ kien ta’ 60%. B’mod ġenerali din tirrifletti x-xejra fl-Ewropa fejn il-medja naqset ukol

Min-naħa l-oħra n-negozjanti Ċiprijotti, li qed jaraw il-korruzzjoni bħala problema għan-negozju tagħhom, fi żmien tliet snin żdiedu bi 30%. L-istess il-Greċja li minkejja li r-rata taż-żieda kienet kemmxejn inqas minn dik ta’ Ċipru, xorta żdiedet bi 17%.  

Kuntrarjament għal dan, ir-Rumanija li tinsab fit-tielet post, għamlet progress notevoli hekk kif il-persentaġġ ta’ dawk li qed jgħidu li taffetwahom il-korruzzjoni naqas bi 18%. L-ikbar progress f’dan il-perjodu sar minn Franza li kellu l-aktar tnaqqis, b’20%.  

51% tan-negozjanti Maltin jemmnu li pajjiżna għandu problema ta’ nepotiżmu u klijenteliżmu  

F’din il-parti tas-sondaġġ, in-negozjanti Ewropej ġew mistoqsija kemm il-klijenteliżmu u n-nepotiżmu huma meqjusa bħala problema fil-pajjiż rispettiv tagħhom. Minkejja li din il-mistoqsija hija differenti minn dik ta’ qabilha, nerġgħu naraw ir-ritorn ta’ Ċipru, ir-Rumanija u l-Greċja fil-quċċata u lid-Danimarka u l-Irlanda fil-qiegħ. Malta tibqa’ mal-ewwel 10.  

Filwaqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 33%, 51% tan-negozjanti Maltin irrispondew li jiltaqgħu ma’ problemi ta’ klijenteliżmu u nepotiżmu. Kienu 40% tal-Maltin li saħqu li dawn ma tantx huma problemi kbar f’pajjiżna, li minnhom 27% saħqu li ma hi problema xejn.  

Min-naħa l-oħra 72% taċ-Ċiprijotti jemmnu li dawn huma problemi serji u huma 22% li jemmnu li mhumiex daqstant. Din id-darba Ċipru kienet segwita mir-Rumanija fejn 68% jemmnu li l-klijenteliżmu u n-nepotiżmu huma problemi, filwaqt li 28% qablu li mhix daqstant.  

Mad-Danimarka u l-Irlanda, issa ingħaqdet l-Olanda. 14% tad-Daniżi biss jemmnu li n-nepotiżmu u l-klijenteliżmu hi problema għan-negozji tagħhom filwaqt li 80%, jisħqu li mhijiex. Intant huma 9% biss tan-negozjanti Olandiżi li jemmnu li din hija problema filwaqt li 88% jemmnu li mhijiex. Fl-aħħar huma 8% tan-negozjanti Irlandiżi biss li jemmnu li hemm problema ta’ klijenteliżmu iżda imbagħad 90% tan-negozjanti Irlandiżi jaqblu li din mhix problema għalihom.  

Huwa tajjeb li ninnotaw li meta il-parteċipanti kienu mistqosija fuq il-korruzzjoni b’mod ġenerali fil-pajjiż, mhux biss fin-negozju, 72% tal-Maltin jemmnu li hi problema, 4% inqas minn meta mistoqsija fl-2019, inċidentalment l-aħħar sena li fiha Joseph Muscat kien Prim Ministru. Hawn il-medja Ewropea kienet ta’ 63%. 

More in Politika