MAPE titlob għal trasparenza assoluta mhux ‘bord li jaħdem waħdu ġewwa kamra msakkra’

F’kummenti ma’ din il-gazzetta l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera Professjonali, Arthur Ciantar, jgħid li l-assoċjazzjoni qed titlob biss għal trasparenza assoluta min-naħa tal-Bord tal-Inġiniera 

Filwaqt li llum l-inġiniera f'Malta se jivvutaw biex jeleġġu tliet membri li jirrappreżentawhom fuq il-Bord tal-Inġinerija, f’kummenti mal-gazzetta ILLUM il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Inġiniera Professjonali (MAPE), Arthur Ciantar, talab li jkun hemm trasparenza assoluta speċjalment min-naħa tal-Bord tal-Inġiniera. 

Fl-elezzjoni ta’ llum se jiġu eletti tliet membri bħala rappreżentanti tal-inġiniera. L-aħħar elezzjoni li saret kienet fl-2020 u rat numru rekord ta’ inġiniera li tefgħu l-vot tagħhom. Iżda ftit wara seħħew argumenti interni li saħansittra raw żewġ membri tal-Bord jtellgħu liċ-Chairperson Noel Camilleri l-Qorti. 

Mistoqsi dwar dan mill-ILLUM, il-President tal-Assoċjazzjoni Arthur Ciantar saħaq li l-prijorità bħalissa hija t-trasparenza f’kull livell. 

“Dan hu bord pubbliku u għalhekk għandu jkun maqsum mal-istakeholders kollha dak li qed iseħħ fil-laqgħat. M’għandux ikun hemm Bord li jaħdem waħdu ġewwa kamra msakkra,” saħaq Ciantar. 

Din il-gazzetta tkellmet ukoll maċ-Chairperson tal-Bord tal-Inġiniera, l-avukat Noel Camilleri. L-ILLUM staqsitu jekk hux minnu li t-trasparenza tistax tkun aħjar. Huwa wieġeb illi bħal kull Bord ieħor, dejjem ikun hemm element ta’ kunfidenzjalità iżda l-minuti dejjem jintbatu lill-membri tal-istess Bord.

“Anke min ma jiġix, ukoll nibgħatulu l-minuti għax dawk obbligu tagħna,” temm jgħid dwar dan Camilleri. 

Għal dawk l-inġiniera li għandhom il-warrant u jixtiequ jivvutaw, jistgħu jagħmlu dan billi jitfgħu l-vot tagħhom fil-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi Triq Francesco Buonamici, Belt is-Sebħ, fil-Furjana, illum stess bejn it-3pm u s-7pm.  

More in Politika