Il-PM iwiegħed li l-Gvern se jkompli jgħin b'mod saħħtu biex iżomm baxx l-impatt tal-inflazzjoni

Jisħaq li l-Gvern bħalissa huwa ffukat biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli

Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li l-Gvern se jkompli jgħin b'mod saħħtu imma b'mod sostenibbli wkoll biex iżomm baxx l-impatt tal-inflazzjoni.

Abela qal dan meta kien qed ikun intervistat fuq ir-radju tal-Partit Laburista waqt li saħaq li d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern fi żmien il-pandemija u fix-xhur li għaddew qed ifissru trankwillità u serenità f'dan iż-żmien tas-sajf. 

“L-ewwel li nafu li f’dan il-mument il-pensjonanti u l-familji jrid ikollhom l-appoġġ tagħna. It-tieni li anke n-negozji f’dan il-mument ta’ rkupru rridu naraw li ma ngħabbuhomx b’piżijiet li jxekklu l-istess irkupru,” insista Abela.

Irrefera għall-prezzijiet tal-fuel u qal li Malta. Ilha 111-il ġimgħa bil-prezz tal-fuel stabbli.

“F’Malta b’€20 tieħu 15-il litru petrol, fil-Greċja jew Spanja kważi lanqas tieħu nofshom. L-Italja tieħu ħames litri inqas. Qed nitkellmu fuq affarijiet li jaffetwaw il-but direttament. Fuq dan iffokat il-gvern li mmexxi jien bħalissa. Fid-dawl u l-ilma l-istess. Qabbel Lulju ta’ din is-sena ma’ Lulju tas-sena l-oħra u ssib ċittadini ta’ pajjiżi li qed iħallsu €700 u €800 iktar fis-sena. Wara li kienu diġa’ qalgħu daqqa fis-sena ta’ qabel,” kompla jispjega.

Qal li anke jekk għaddiet l-elezzjoni, il-Gvern baqa’ jgħin għax fi kliemu, il-prinċipju tal-Gvern huwa li jibqa’ jsostni n-nies is-sena kollha u mhux meta tkun ġejja l-elezzjoni.

“Meta tkun fis-siġġu tad-deċiżjonijiet għandek is-sabiħ li dak li qed tagħmel iħalli impatt dirett pożittiv fil-ħajja tan-nies. U allura filwaqt li dawn is-sett ta’ drittijiet ġodda ta’ żieda fil-leave tal-paternita’, leave tal-ġenituri u l-introduzzjoni tal-leave tal-carers jirrifletti wkoll direttiva Ewropea, kien jinvolvi ammont ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Fuq kollox hija direttiva li bħala Gvern Malti appoġjajna sa mill-bidu nett fil-livelli kollha. Għax nemmnu fiha,” kompla Abela.

Kien hawn li kkritika l-Oppożizzjoni li fi kliemu “twiegħed kollox lil kulħadd iżda mill-Gvern mhux tagħti imma tieħu.”

Fi kliemu hekk għamlet bil-kontijiet u hekk kienet għamlet bil-leave tal-ħaddiema.

“Kellna pandemija, għaddejna kampanja elettorali, gawdu s-sajf u ħallu l-gvern jinkwieta kif se nibqgħu mmexxu l-pajjiż ‘il quddiem,” insista l-Prim Ministru.

Fakkar kif wara sentejn ta’ pandemija, issa huwa ċar li l-pajjiż miexi lejn in-normalità.

“Kien ċar wara sentejn ta’ pandemija li l-pajjiż ried jimxi t-triq lejn sitwazzjoni fejn ingawdu l-frott tal-investiment li għamilna fis-saħħa tan-nies, b’mod partikolari l-programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni, u t-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji tagħna jkomplu b’ħajjithom,” kompla jgħid.

Qal li n-negozji llum qed jirkupraw u magħhom l-ekonomija anke bis-saħħa tal-għajnuna li offra l-Gvern.

Temm jisħaq li t-tneħħija tal-pajjiż mil-lista l-griża kompliet tagħti aktar serħan il-moħħ il-moħħ biex issa l-Kummissjoni Ewropea kompliet ukoll tirrevedi ‘l fuq it-tbassir ekonomiku ta’ pajjiżna.

More in Politika