Malta se titneħħa mil-Lista l-Griża tal-FATF... il-Ġimgħa jingħata l-komunikat uffiċjali

Malta tpoġġiet fuq il-Lista l-Griża sena ilu...

Kollox jinsab lest biex Malta titneħħa mil-Lista l-Griża tal-FATF wara xhur illi matulhom pajjiżna kellu jaħdem fuq ċerti spetti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Dan kien ikkonfermat mas-sit illum.com.mt minn sorsi differenti.

Malta kienet l-uniku pajjiż fl-UE fuq din il-lista, pass li l-FATF ħadet fit-23 ta' Ġunju 2021, sena ilu. Kienu l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, bil-vot tagħhom, ir-raġuni wara l-fatt li Malta spiċċat fuq il-lista l-griża. 

Id-deċiżjoni ttieħdet minkejja li Malta kienet għaddiet mit-test tal-Moneyval wara li daħlet fis-seħħ diversi rakkomandazzjonijiet li sarulha.

F'Marzu li għadda l-FATF irrikonoxxiet li pajjiżna kien lesta l-pjan kollu meħtieġ. L-istqarrija kienet spjegat kif minn Ġunju 2021, Malta wettqet diversi riformi wara li spiċċat fuq il-lista l-griża. Ewlenija fost dawn tinnota r-riforma biex ikun żgurat li l-informazzjoni dwar ‘beneficial owners’ tkun korretta u li jittieħdu l-passi kollha neċessarji u effettivi jekk ikun magħruf li xi informazzjoni kienet qarrieqa jew mhux korretta.

Apparti minn hekk, faħħar l-impenn ta’ Malta li ssaħħaħ l-appoġġ lil dawk l-awtoritajiet li xogħolhom huwa li jinvestigaw każi ta’ ħasil ta’ flus. Faħħret il-fatt li Malta trid li tkompli ssaħħaħ ir-responsabbilittajiet tal-Kummissarju għat-Taxxi u anke l-FIU (Financial Intelligence Unit).

Fl-aħħar nett, l-FATF kienet faħħret ukoll l-impenn tal-Gvern Malti li jsaħħaħ l-analiżi tal-FIU bil-għan li dan jipprovdi biżżejjed informazzjoni lill-entitajiet li jinfurzaw il-liġi biex jinvestigaw każi ta’ evażjoni tat-taxxa, fost oħrajn.

L-MDA sodisfatta b'din 'il-kisba' u l-PN jgħid li Bernard Grech kellu raġun!

Fost l-ewwel li rreaġixxew kien hemm il-Partit Nazzjonalista u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi. 

L-Assoċjazzjoni ferħet bl-aħbar li Malta se titneħħa formalment mill-greylist tal-FATF fi tmiem din il-ġimgħa u sejħitilha "kisba". 

"Filwaqt li temmen li din il-miżura ma kinitx għal kollox ġustifikata, xorta wieħed issa għandu jqis il-proċess li għaddejna minnu bħala pajjiż f'din l-aħħar sena b'mod pożittiv fejn issaħħew numru ta' proċessi, kemm fil-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat."

Il-Partit Nazzjonalista wkoll laqa' din l-aħbar b'sodisfazzjon. "Dan hekk kif jemmen li isem pajjiżna qatt ma kellu jittappan b'dan il-mod minħabba d-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista. Riżultat ta' dawn, diversi entitajiet f'pajjiżna spiċċaw skrutinizzati ħafna aktar u dan b'detriment għall-poplu tagħna."

"Bernard Grech kellu raġun meta kien jgħid li hu possibbli li isem Malta jitneħħa mil-lista l-griża fi tliet xhur mill-elezzjoni ġenerali," temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika