‘Jien nirrispetta l-indipedenza tal-Avukat Ġenerali;’ – Il-Ministru dwar it-talba għar-riżenja ta’ Buttigieg

L-MPU qed issejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali wara l-patteġġjament li sar ma’ Daren Debono, it-Topo, fil-każ tal-attentat ta’ serqa mill-HSBC

Il-Ministru għall-Ġustizzja saħaq mal-gazzetta ILLUM li hu jirrispetta l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li fakkar li dan jaħdem kompletament b’mod awtonomu u indipendenti mill-Ministeru.  

Il-gazzetta ILLUM talbet ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard wara li l-Malta Police Union, talbet għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg minħabba l-każ ta’ Daren Debono, magħruf bħala t-Topo u l-każ tal-attentat ta’ serqa mill-HSBC. 

Il-Ministru qal mal-ILLUM li mingħajr ma jidħol f’ebda każ partikolari, hija l-Qorti li tiddetermina d-deċiżjoni aħħarija meta quddiemha jiġu kwistjonijiet ta’ dan it-tip. 

“Xogħol il-politiku hu li jara li l-istituzzjonijiet, inkluż dan l-uffiċċju, jaħdmu f’serenità bir-riżorsi kollha meħtieġa u b’fiduċja sħiħa,” temm jgħid il-Ministru. 

Fi stqarrija, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Malta Police Union talbet għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u akkużatha li falliet milli tipproteġi lill-pulizija u lil dawk li jaħdmu biex iżommu l-pajjiż sigur. 

Il-Unjin kienet qed tirreaġixxi għad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, meħuda f’Jannar li għada, biex bħala parti minn patteġġjament titwaqqa' l-akkuża ta' attentat ta' umiċidju li Daren Debono kien qed ikun akkużat biha. 

Dan wara, biss wara 20 sena, Daren Debono wieġeb ħati għall-involviment tiegħu fl-attentat ta’ serqa mill-HSBC fl-2010 u li fiha kienu sparati diversi tiri lejn uffiċjali tal-Pulizija li laħqu marru fuq il-post u sfrattaw is-serqa. 

Eventwalment huwa ngħata sentenza ta’ għaxar snin u sitt xhur ħabs u anke ġie ordnat iħallas multa ta’ €18,000. 

Il-patteġġjament sar bil-għan li Debono jkun jista’ jixhed kontra Vince Muscat, il-Koħħu, li wkoll qed jiffaċċja akkużi b’rabta ma’ din is-serqa. 

Eventwalment, fl-14 ta’ Jannar li għadda, il-Malta Police Union kienet ressqet ukoll protest ġudizzjarju u li fih uriet “it-tħassib, il-konfużjoni u d-disgust” tagħha għal din id-deċiżjoni. 

Il-Protest Ġudizzjarju kien qal li din l-azzjoni baxxiet il-moral tal-Pulizija li issa se jaħsbuha darbtejn qabel ipoġġu ħajjithom fil-periklu meta ffaċċjati b’sitwazzjonijiet simili/ 

L-MPU kienet infurmat lill-Avukat Ġenerali li se żżomm lill-istess Uffiċċju responsabbli għal danni passati u futuri li jistgħu jinqalgħu minħabba dan il-każ. 

Issa qed tisħaq ukoll li tinsab iddiżapuntata, li kważi sitt xhur wara, l-Avukat Ġenerali baqgħet qatt ma wieġbet għal dan il-Protest. 

More in Politika