Iosif Galea jgħaddi eluf ta' flus lil Jason u Christine Farrugia li qed jiġu mixlija b'ħasil ta' flus

Galea għadda l-flus lill-koppja Farrugia permezz ta' aktar minn 177 transazzjoni permezz tar-Revolut u ċekkijiet li jammontaw eluf ta' flus

Iosif Galea trasferixxa eluf ta' ewro f'kontijiet lill-eks Uffiċjal Tekniku tal-Malta Gaming Authority, Jason Farrugia u l-mara tiegħu Christine Farrugia. Galea huwa konsulent tal-Gaming u kien jaħdem mal-istess Awtorità u ġie arrestat fl-Italja wara Mandat ta' Arrest Ewropew, hekk kif qed ikun imifttex fuq suspetti ta' ħasil ta' flus. Farrugia pprova jevita li jiġi blokkjat il-kont li kellu mal-Awtorità wara li ġie infurmat li kien qiegħed taħt investigazzjoni. 

Dan ġie żvelat illum waqt ix-xhieda fil-Qorti kontra Farrugia u l-mara tiegħu Christine Farrugia li qed jiġu mixlija b'ħasil ta' flus, frodi u misapproprjazzjoni. Fil-każ ta' Jason Farrugia huwa ġie akkużat ukoll li żvela informazzjoni kunfidenzjali u b'użu ħażin tal-komputer. 

Galea kien għamel 177 transazzjoni permezz ta' Revolut li l-ammonti tagħhom kienu ivarjaw bejn €170 u eluf ta' ewro. Waqt l-investigazzjonijiet ġew innotati wkoll transazzjonijiet għall-mara ta' Farrugia. Ġew skoperti wkoll ċekkijiet minn banek differenti li ammontaw għal aktar minn €11,000. Galea bagħat ċekkijiet lill-mara ta' Farrugia fl-2020 li sussegwentament ġew iddepożitati fil-kont ta' Jason Farrugia u li b'kollox ammontaw għal total ta' €29,150. 

Meta l-Maġistrat staqsiet kif dawn iċ-ċekkijiet ġew depożitati f'kont li ma huwiex f'isem Christine Farrugia, l-ispettur saħaq li meta ġiet interrogata Farrugia spjegat li hija ingħatat l-ordni li tiffirma u hekk għamlet. Madankollu meta kienet ġiet arrestata kienet qalet li ma kinitx taf b'dawn iċ-ċekkijiet u li ma għarfitx il-firma. Meta ġie arrestat Farrugia, huwa wkoll ġie mistoqsi fuq dawn it-transazzjonijiet iżda irrifjuta li jwieġeb. 

L-Ispettur f'dan il-każ saħaq li l-Kummissarju tat-Taxxi saħaq li Farrugia kien iddikkjara l-paga li kellu mal-Awtorità tal-Gaming biss bħala l-introjtu tiegħu f'dan il-perjodu. 

Intant il-koppja ngħatat il-ħelsien mill-arrest hekk kif l-Avukat Ġenerali ma opponietx għat-talba ta' ħelsien mill-arrest. Christine Farrugia ingħatat il-ħelsien fuq il-kundizzjoni li tiffirma l-ktieb tal-bail darba f'ġimgħa. Jason Farrugia għandu kundizzjonijiet simili. Il-każ se jkompli nhar it-Tnejn li ġej. 

More in Politika