Azzopardi jitlef kull ċans li jirritorna fil-Parlament; Mhux se jibqa' attiv lanqas fil-PN

Dan hekk kif il-PN eleġġa diversi uċuh ġodda anke fl-elezzjoni każwali tal-lum

Jason Azzopardi falla milli jkun elett fil-Parlament anke fl-elezzjoni każwali u fuq Facebook insista li dan se jkun it-tmiem tal-karriera politika tiegħu mhux biss fil-Palament imma anke fil-Partit Nazzjonalista.

Edwin Vassallo u Karl Gouder wkoll tilfu ċ-ċans tagħhom li jkunu eletti fl-elezzjoni każwali.

Fil-każ ta' Azzopardi, dan kellu aktar minn ċans wieħed li jkun elett hekk kif fuq id-disa' distrett saru żewġ elezzjonijiet każwali għas-siġġijiet li ċedew Robert Arrigo u Joe Giglio. Fil-fatt, Karol Aquilina u Graziella Attard Previ qabżu lil Azzopardi u ġew eletti.

Azzopardi kien ikkontesta wkoll ir-raba' distrett elettorali iżda fuq dan id-distrett ma saritx elezzjoni każwali. 

F'kumment twil fuq Facebook, Azzopardi saħaq li llum ġew fi tmiemhom 24 sena ta' ħidma fil-Parlament u insista li lanqas mhu se jibqa' attiv fil-Partit Nazzjonalista.

Wara li ta elenku tal-ħajja politika tiegħu huwa insista li l-messaġġ tiegħu lil kulħadd huwa li s-sewwa jirbaħ dejjem. 

'Għandi fiduċja li meta fix-xhur li ġejjin jibdew joħorġu r-riżultati ta’ diversi Inkjesti Magisterjali dwar min hu jew kien fil-ħajja pubblika f'iktar minn Partit wieħed tibda toħroġ il-verità u tifhmu għala jien kont skomdu ħafna għal uħud u għala kien hemm l-attakk kontinwu u sfrenat kontrija mill-kamp Laburista u bnadi oħra," kiteb Azzopardi.

Fl-elezzjoni każwali li saret illum, il-Partit Nazzjonalista eleġġa diversi deputati ġodda.

Apparti minn hekk, ġew eletti wkoll Karol Aquilina u anke l-eks Sindku Laburista tar-Rabat Charles Azzopardi.

Aqra wkoll:

Karol Aquilina u l-eks Sindku Laburista tar-Rabat eletti fl-elezzjoni każwali tal-PN

More in Politika