Il-PN kien se jitlef ukoll it-tnax-il distrett ... iżommu biss bi żbrixx

Fl-Elezzjoni Ġenerali ta' din is-sena, id-distakk bejn il-PN u l-PL f'dan id-distrett kompla jonqos għal 584 vot

L-Elezzjoni Ġenerali 2022 kienet disfatta kbira għall-Partit Nazzjonalista. Tilef bi kważi 39,500 vot, tilef siġġu fil-ħames distrett, kompla jnaqqas il-fiduċja f'Għawdex u għal żbrixx ma tilifx ukoll it-tnax-il distrett.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista, naqqas drastikament l-appoġġ tiegħu f'dan id-distrett tul is-snin. Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, id-distakk bejn il-PN u l-PL naqas għal 801 vot. Fil-fatt, kien ikkontesta l-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil bit-tama (u hekk ġara) li jikkonsolida xi ftit l-appoġġ.

Fl-Elezzjoni Ġenerali ta' din is-sena, id-distakk kompla jonqos għal 584 vot. Ta' min isemmi li din is-sena kien hemm xi tibdil f'dan id-distrett fejn parti min-Naxxar għaddiet mad-disa' distrett.

L-aktar kandidat li ġab voti, fl-ewwel għadd, kien il-kandidat Laburista Clayton Bartolo li kiseb xejn inqas minn 2,863. Kien hu l-ewwel wieħed li qabeż il-kwota.

Warajh, qabeż il-kwota il-kandidat Laburista Michael Farrugia. 

Il-PN eleġġa l-ewwel lil Ivan Castillo, wiċċ ġdid u warajh Robert Cutajar u Graziella Galea. 

Aqra hawn dak li ġara f'dan id-distrett mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003

More in Politika