Aġġornata: Grech jissuġġerixxi biex nhar is-Sibt isir 'marċ nazzjonali' b'appoġġ għall-Ukrajna

Bernard Grech appella biex għal ġurnata waħda biss tieqaf il-kampanja elettorali filwaqt li l-Prim Ministru ħabbar li Malta qed toffri ażil lil 26 persuna Ukrena

Waqt id-dibattitu politiku fl-Università ta' Malta, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li 26 persuna Ukrena talbet l-ażil u Malta qed tilqagħhom.

Il-ħames mexxejja politiċi kienu mistoqsija xi rwol tista' tilgħab f'Malta f'dan il-kunflitt u anke kif Malta tista' tilqa' għall-impatt.

Il-Prim Ministru fakkar li Malta qed tgħin lill-Ukrajna billi b’ħidma ma’ Puttinu Cares u ma’ entitajiet oħra, qed toffri kura lil Ukreni li għandhom bżonn kura Onkoloġika u anke qed tibgħat mediċi fl-Ukrajna.

Rigward l-impatt, Abela wiegħed li jżomm il-prezzijiet stabbli, kemm tal-enerġija, tal-fjuwil u tal-ikel.

“Għandna l-kredenzjali u l-esperjenza biex imexxu lil dan il-pajjiż anke fi żmien ta’ sfidi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Nazzjonalista qed jissuġġerixxi biex nhar is-Sibt, għal ġurnata waħda, tieqaf il-kampanja elettorali u jsir 'marċ nazzjonali' b'appoġġ mal-Ukrajna. Stieden lill-mexxejja tal-partiti u lil kulħadd biex jattendi.

Dwar ir-rispons tal-Gvern, Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru l-ewwel qal li ma hemmx problemi u issa qed jgħid li l-gwerra diġà qed swiet lill-pajjiż 200 milju ewro.

“Għalhekk trid toħloq setturi ekonomiċi, għalhekk trid tkabbar l-ekonomija. Is-sussidji mhux biżżejjed,” insista. “Taf x’ma qallekx il-Prim Ministru? Li jagħtik is-sussidji imma se jkompli jisraq lil kulħadd mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.”

Insista li l-PN huwa realista u jilqa’ għall-isfidi minn qabel. Għalhekk se joħloq fond ta’ 40 miljun ewro biex jilqa’ għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Temm li l-PN għandu l-kredenzjali biex jindirizza l-isfidi kif għamel fi żmien il-gwerra tal-Libja.

Hawn qabeż il-Prim Ministru jfakkar fil-fond ta’ 70 miljun ewro u ċ-ċekk li se jibgħat il-Gvern bi Grech jinsisti li dan huwa rifużjoni.

“Aħna mhux nisirquk u mbagħad nibgħatulek ċekk,” kompla jwieġeb Bernard Grech.

Il-mexxejja politiċi l-oħra tkellmu dwar l-importanza tan-newtralità u li Malta tagħti l-għajnuna b’kawtela.

Carmel Cacopardo, Chairperson tal-ADPD, fakkar biss li din il-gwerra għandha turi kemm hu importanti li Malta jkollha kontroll fuq is-settur tal-enerġija. Insista li Malta, għall-powerstation tiddependi fuq iċ-Ċiniżi u għall-gass li jħaddimha mill-Ażerbajġan. 

More in Politika