Koppja b'wild li huwa student se jibbenefikaw minn €510 - Il-Gvern iħabbar rifużjoni ta' taxxa u ċekkijiet

... il-pensjonanti se jingħataw €200 kull wieħed

Illum il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li apparti ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, se jingħata ċekk addizzjonali mhux biss lill-ħaddiema iżda wkoll lill-pensjonanti, persuni fuq il-benefiċċji soċjali u l-istudenti. Dan se jsir permezz ta' €70 miljun li se jitqassam bejn 250,000 ħaddiem kif ukoll 380,000 pensjonanti, ħaddiema, persuni fuq il-benefiċċji soċjali u studenti.

"Fil-baġit ta' din is-sena ħabbarna li ċ-ċekk ta' rifużjoni tat-taxxa se jkun qed jiżdied, b'hekk mhux biss nippremjaw il-bżulija iżda jkollna cash injection fl-ekonomija maħsuba biex tkompli tiġġenera l-attività ekonomika f'pajjiżna. Allura ċ-ċekk ta' rifużjoni tat-taxxa se jkun qiegħed ivarja bejn €140 u €65, skont id-dħul tal-persuni. Issa dan iċ-ċekk se nkunu qed insaħħuħ u nikkumplimentawh b'inizjattiva oħra," qal Abela. 

Saħaq li kuntrarju tal-vouchers li ngħataw fis-snin ta' qabel, fejn dawn kienu biex jistimulaw l-ekonomija ta' setturi partikolari, issa se jingħataw ċekkijiet li jistgħu jissarfu f'kull settur possibli.

"Fuq livell internazzjonali l-pandemija ħolqot sfidi ġodda b'żieda ta' prezzijiet ta' prodotti u servizzi essenzjali. Biex nilqaw għal din l-isfida globali għamilna interventi agressivi u diretti. Fosthom fis-settur tal-enerġija elettrika u s-suq tal-gas u l-fjuwils," kompla jispjega l-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana spjega kif fid-diskors tal-baġit, il-Gvern kien qed ibassar li jagħlaq is-sena 2021 b’defiċit ta’ 11.1%. L-andament ekonomiku ta’ pajjiżna wassal sabiex id-defiċit jinżel bi 3% għal 8.1%. Barra minn hekk, il-Gvern diġà laqa’ għall-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil, impatt li jammonta għal 1.5% tal-Prodott Domestiku Gross. B’hekk, il-gvern qed ibassar li jagħlaq is-sena 2021 b’defiċit ta’ madwar 9.5%.

Dan il-marġini ta biżżejjed spazju lill-Gvern sabiex ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi li kien qed ibassar li kienu ġejjin fuq pajjiżna. Għaldaqstant, dan iċ-ċekk addizzjonali, apparti r-rifużjoni tat-taxxa, se jmur sabiex jgħin lill-familji fid-dawl ta’ dawn l-isfidi.

Dan x'se jfisser għalik? Int x'ser tieħu? 

Jekk wieħed mhux miżżewweġ, l-ammonti li se jingħataw f'rifużjonjiet ivarjaw minn €60 sa €125 u dan ivarja skont kemm wieħed ikollu dħul. Minn naħa l-oħra persuna miżżewġa se tingħata bejn €65 sa €140, jiġifieri jekk ikollok dħul għoli, ir-rifużjoni tat-taxxa tkun aktar baxxa. Jekk tkun ġenitur l-ammonti jvarjaw minn €65 u €135. 

Apparti minn hekk, pensjonanti u persuni fuq il-benefiċċji soċjali se jingħataw €200 u studenti se jingħataw €100. B'hekk il-ħaddiema, apparti ċ-ċekk ta' rifużjoni tat-taxxa se jingħataw ċekk ta' €100 addizzjonali (kull persuna).

'Iżda jien kemm se nieħu?' L-ILLUM tagħti ħarsa lejn tliet xenarji ... 

Xenarju 1: Raġel li jaħdem bħala għalliem u mara li taħdem il-bank li huma miżżewġa b'paga medja ta' bejn €15,001 u €30,000 b'wild li huwa/hija student se jieħdu:

  • €105 ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa kull wieħed;
  • €100 ċekk addizzjonali kull wieħed; 
  • €100 għall-wild student.

Għalhekk b' kollox dawn se jieħdu €510.

Xenarju 2: Single mother/father bil-paga minima b'wild wieħed li mhux student; 

  • €125 ċekk tar-rifużjoni;
  • €100 ċekk addizjonali. 

Għalhekk b' kollox dawn se jieħdu €225.

Xenarju 3: Koppja pensjonanti

  • €200 kull wieħed 

Għalhekk b'kollox dawn se jieħdu €400.

'Il-kejk għalih, il-frak għalik' - Partit Nazzjonalista

Sadanittant il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija saħaq li l-Gvern Laburista, "irid jgħamina bic-cheque ta' €100 u cioe €8 fix-xahar meta l-prezz tal-ikel sploda u meta jinsisti li ma jagħtix lura s-serq fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Mossa tal-elezzjoni b'miżuri li fil-gran parti tagħhom diġà ġew imħabbra b'pompa kbira fil-baġit. Robert Abela irid itina s-soppa msaħħna mentri għali warrab 17,000 fix-xahar." 

Il-PN jinsisti li l-ammont ta' flus li qed jingħataw lura lin-nies, "bilkemm ikopri l-miljuni misruqa mill-kontijiet tad-dawl. Robert Abela jieħu l-kejk u jagħtik il-frak. Imbagħad jonfoq flusek biex jgħidlek li qed jagħtik il-kejk biex jipprova jixtri l-vot tiegħek." 

Intant, b'reazzjoni għal din l-istqarrija, il-Partit Laburista stqarr li l-PN qed jattakka pakkett ta' stimolu ekonomiku għall-familji. 

"Il-problema li għandu l-Partit Nazzjonalista hi li minbarra li hu negattiv, mhux kredibbli," qal il-PL. Minn naħa l-oħra il-PL jgħid li dawn is-€70 mijun jagħmlu parti mal-kważi €700 miljun f'wage supplement investit fin-negozji u l-ħaddiema. 

"L-ironija hi li dawn huma kollha inizjattivi li l-Kap tal-Oppożizzoni sejħilhom tberbiq ta' flus. Ironija kbira hi li meta l-PN għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ta biss ħames bozzoz," temm jgħid il-Parit Laburista.

More in Politika