'Vera li l-għoli tal-ħajja hija realtà internazzjonali imma ma nistgħux nibqgħu ċassi'

Il-PN jipproponi l-kunċett tal-Living Income u jgħid li dan ikun dħul li jassigura ħajja diċenti

Bernard Grech
Bernard Grech

Waqt diskors f'konferenza organizzata mid-Deputat Ivan Bartolo, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi minkejja li hija verità li l-għoli tal-ħajja u ta' prezzijiet bażiċi hija realtà internazzjonali "ma nistgħux nibqgħu ċassi quddiem din il-problema. Ix-xita tagħmel għal kulħadd, imma jekk għandek xaqq fis-saqaf u qed iqattar l-ilma, inti trid tirranġah," sostna. 

Huwa qal li huwa għalhekk li l-PN qed jipproponi Fond Nazzjonali biex tkun indirizzata din il-problema kif ukoll li jiġi solvut dak li jsejjaħ "serq" fil-Kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hawnhekk fil-fatt huwa akkuża lill-Gvern li mhu qed jagħmel xejn sabiex tiġi indirizzata din il-problema. 

Din il-ġimgħa stess il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli ħabbret sistema ġdida li permezz tagħha jkunu mġemmgħin units li ma jintużawx, filwaqt li se jkunu hemm ukoll tibdil fil-Legal Notice li permezz tagħha ilhom jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dalli tfakkar li din il-Legal Notice kienet introdotta taħt Gvern Nazzjonalista. 

Intant Grech saħaq li min ma jistax jagħmel mod ieħor imma jħallas il-kont, hekk kif wara kollox hemm biss operatur wieħed (ARMS), qiegħed jinsteraq. "Forsi għal uħud €20 jew €30 mhix l-aħħar tad-dinja, għalkemm xorta mhix ġusta, imma malli għandek pensjonant jew pensjonanta inti qed tieħu minn dak il-ftit, minn dak l huwa bażiku," sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Ivan Bartolo
Ivan Bartolo

Intant il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem tiegħu għall-faqar Ivan Bartolo qed jipproponi l-kunċett tal-Living Income li jgħid illi jkun dħul diċenti biex il-familji jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Bartolo ħabbar dan meta kien qed jindirizza konferenza li organizza hu stess fil-Caritas Community Centre. 

Bartolo ħabbar b'kollox erba' proposti: 

1 - Poverty watch, li tkun struttura indipendenti magħmula minn NGOs bil-għan ta' kejl ġenwin u realistiku biex jitnaqqas il-faqar. Apparti dan il-PN qed jipproponi strateġija nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar. 
2 - Jigi stabbilit mekkaniżmu għat-twaqqif tal-Living Income, li jkun allura dħul biżżejjed biex in-nies ilaħħqu mal-ħajja. 
3 - Solidarjeta ma' dawk ba saqaf fuq rashom, madwar 300 persuna li ma għandhomx saqaf fuq rashom u li qed jistennew biex jidhlu f'shelter homes
4 - Inrawmu is-social corporate responsability - responsabilità soċjali ta' kumpaniji u koprorazzjonijiet.

Ara x'qalu persuni oħtajn li tkellmu waqt din il-konferenza hawnhekk.

 

More in Politika