'Xi ħaġa mhix tiffunzjona biex hawn min jaħdem, jagħmel overtime u part time u xorta ma jlaħħaqx'

Waqt Konferenza organizzata mid-Deputat tal-PN Ivan Bartolo Fr. Ivan Attard jikkritika s-sistema ekonomika li qed tħalli lin-nies lura, jittallbu quddiem il-bieb tal-kunvent u l-importazzjoni tal-ħaddiema

Dun Ivan Attard
Dun Ivan Attard

F'intervent waqt Konferenza organizzata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo u li fiha tkellmu diversi persuni, Fr Ivan Attard sostna li "hemm xi ħaġa mhux tiffunzjona biex qed ikollna żgħażagħ Maltin li jiġu jittallbu fil-bieb tal-kunvent, jew inkella li persuna taħdem xogħol iebes, tagħmel l-overtime, tagħmel part time u xorta ma tlaħħaqx mal-ħajja." Huwa kien qed jitkellem fl-ambitù tal-konferenza li trattat il-faqar, il-vulnerabbli, l-għoli tal-ħajja u d-dinja tax-xogħol, fost oħrajn.

Huwa qal li kull xogħol, umli kemm huwa umli, huwa importanti. "Ejja nagħtu valur lil kull xogħol u ejja nikkalkulaw l-pagi mhux biss bil-kriterju tas-suq tax-xogħol. X'jiġifieri wieħed jibla' l-profitti kollha u ħaddieħor jibqa' b'xejn?" staqsa Attard. "X'jiġifieri li biex ħaddiem ilaħħaq irid jara kif se jagħmel overtime u joħloq kemm jiflaħ part time? Spiċċajna qisna spare parts ta' sistema ekonomika. Nistudja biex naħdem u naħdem biex indawwar l-ekonomija għax jekk nieqaf ndawwar ir-rota jkollna riċessjoni," sostna Attard f'diskors kritiku ħafna lejn is-sistema ekonomika li qed inħaddmu. 

Huwa staqsa għaliex il-pagi huma kkalkulati biss skont id-domanda u l-fornitura u mis-suq tax-xogħol biss. "Żid in-nies ħa tniżżel il-prezz tax-xogħol. Nitkellmu ħafna fuq l-outsourcing, imma x'inhu dan? Dan huwa importazzjoni tal-ħaddiema, biex jaqa' l-prezz tax-xogħol" kompla jgħid. "Ħafna jghidu li huma qed jirriskjaw il-kapital u l-idea hija tagħhom, veru pero' l-idea mingħajr l-impjegat, idea kienet u hekk baqgħet," sostna Dun Attard li qal li hija komda li nserħu fuq l-assistenzi u fuq id-donazzjonijiet, "biex inkun serraħt il-kuxjenza u tilaq 'l hemm, imma l-inġustizzja baqgħet hemm," saħaq. 

"Li tagħti impjieg mhuwiex att ta' karità," saħaq. "Ġiet persuna għandi u trid tagħmel MRI u tawh appuntament għal sentejn oħra u tiskanta għax tkellem malajr għamlulu appuntament. Forsi dan sab qaddis, u min ma jafx qaddisin? X'jagħmel? Mela mhux taxxi wkoll ħallas dan?" staqsa Fr. Ivan Attard. 

'Kemm jinkwetawni ċ-ċifri tal-Early School Leavers' - President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca

Meta kienet qed titkellem waqt il-konferenza l-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca semmiet diversi esperjenzi ta' nies li qed jgħixu fil-faqar. Semmiet Sindku li qal li hemm nies fil-lokalità li qed jorqdu fi ġnien, ommijiet li ma għandhomx biex jixtru l-uniformijiet, Kap ta' Skola li jgħidlek illi qed jagħmlu madwar 80 lunch ta' studenti għall-iskola u aktar. 

"Il-faqar mhuwiex definit biss b'mod monetarju," qalet Coleiro Preca li semmiet il-prezzijiet tal-ikel. "Organizzazzjonijiet differenti qed jitkellmu dwar il-kwistjoni taż-żieda fil-prezzijiet. Imn'Alla il-Gvern ħa l-inizzjattiva li jilqa' għall-prezzijiet tal-enerġija," sostniet il-resident Emeritus. Hija fakkret li l-prezzijiet għolew b'5% skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, filwaqt li wieħed minn kull sitta jinsab f'riskju ta' faqar. Hija kkritikat dan it-terminu u sostniet li nies f'riskju ta' faqar fl-aħħar mill-aħħar jinsabu fil-faqar. 

"Importanti li nagħtu l-flus, għax hawn min hu bil-ġuħ. Imma irridu nħarsu 'l quddiem. Kemm jinkwetawni ċ-ċifri tal-Early School Leavers," qalet Coleiro Preca li fakkret li dan ikun ifisser li dawn in-nies ma jsibux impjieg tajjeb biex ikunu jistgħu jmantnu lil uliedhom. Fakkret li t-tluq kmieni mill-iskola iwassal ukoll għal problemi fis-saħħa mentali, fost oħrajn.

Marie Louise Coleiro Preca
Marie Louise Coleiro Preca
Anthony Gatt (Caritas)
Anthony Gatt (Caritas)

Anthony Gatt li jmexxi l-Caritas, hekk kif il-konferenza saret fil-Caritas Community Centre, fakkar li din l-organizazzjoni għandha l-missjoni li teradika l-faqar, mhux biss tnaqqsu. Huwa qal illi minkejja li qabel il-pandemija kien hawn nies li qed jistagħnew u kien hawn il-flus, filwaqt li naqsu n-numri ta' dawk li huma fqar materjalment u severament, kien hemm żieda fil-livelli ta' stress, l-isfruttament tal-barranin kif ukoll l-overpopulation.

Ara x'qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard HGrech u d-Deputat Ivan Bartolo hawnhekk. 

 

 

More in Socjali