Riżenji, elezzjonijiet każwali u co-options; Id-Deputati preferuti ta’ 84,000 votant ma għadhomx fil-Parlament

Jekk tħares lejn il-Parlament kif kien wara l-elezzjoni tal-2017 u tħares lejh illum taħseb li bdejna leġiżlatura ġdida. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn kif inbidel il-Parlament fl-aħħar ħames snin minħabba rekord ta’ riżenji 

Qatt daqs din il-leġiżlatura ma kien hemm daqshekk riżenji minn Membri Parlamentari tant li jekk wieħed iħares lejn il-Parlament ta’ ħames snin ilu, jinduna li hemm differenza sostanzjali minn dak li għandna llum. 

Dan ma fissirx biss ħafna elezzjonijiet każwali, iżda diversi co-options, jiġifieri dak il-mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun il-partit tad-Deputat li rriżenja li jiddeċiedi min se jkun qed jeħodlu postu. 

Fil-fatt, xejn inqas minn tmien Deputati ġew eletti b’dan il-mekkaniżmu u fil-jiem li ġejjin, l-istess mekkaniżmu se jerġa’ jintuża mill-Partit Nazzjonalista biex jagħżel Membru Parlamentari biex jieħu post David Thake li rriżenja din il-ġimgħa. 

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn l-istorja tar-riżenji fl-aħħar ħames snin u kif inbidel il-Parlament. L-ILLUM rat il-voti li ġabu dawk id-Deputati li rreżenjaw fl-aħħar ħames snin. Bejniethom, kienu ġabu 83,992 vot. Dan ifisser li l-għażla ta’ 83,992 votant sfat fix-xejn.  

Biss biss, f’ħames snin, il-Parlament ra Prim Ministru ġdid u tliet kapijiet tal-Oppożizzjoni. 

More in Politika